SOFONIJA 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 1 Il-kelma tal-Mulej li ġiet lil Sofonija bin Kusi, bin Gedalija, bin Amarija, bin Ħeżekija, fi żmien Ġosija bin Amon, sultan ta’ Ġuda. Jum il-Mulej f’Ġuda 2 “Se niknes kollox minn fuq wiċċ l-art,” oraklu tal-Mulej, 3 “bnedmin u bhejjem neqred, neqred it-tjur tas-sema u l-ħut tal-baħar, u n-nies il-ħżiena nġibhom fix-xejn; inqaċċat il-bniedem minn fuq wiċċ l-art,” oraklu tal-Mulej. 4 “Idi tilħaq lil Ġuda, u lin-nies kollha ta’ Ġerusalemm. U minn dal-post inqaċċat kulma għad hawn minn Bagħal, sal-istess isem tal-qassisin tiegħu; 5 u ’l dawk li fuq il-bjut jaduraw lill-eżerċtu tas-smewwiet; lil dawk li jaduraw, iva, lill-Mulej, imma jaħilfu bl-isem ta’ Milkom; 6 lil dawk li ma baqgħux wara l-Mulej, lil dawk li xejn ma jfittxu lill-Mulej, xejn ma jqisuh.” 7 Il-Mulej Sidi, żommu s-skiet quddiemu, għaliex Jum il-Mulej jinsab fil-qrib. Għax il-Mulej ġa ħejja s-sagrifiċċju, u ġa qaddishom il-mistiedna tiegħu. 8 U f’jum is-sagrifiċċju tal-Mulej, jiġri li “Nikkastiga l-kapijiet u wlied is-slaten, dawk kollha lebsin bħall-barranin. 9 Dakinhar, iva, jien nikkastiga ’l kull min jaqbeż l-għatba, u ’l min id-dar ta’ sidu bil-vjolenza u l-qerq jimlieha.” 10 “U jiġri dakinhar,” oraklu tal-Mulej, “illi minn Bieb il-Ħut tinstema’ għajta, u tasal karba mill-Kwartier il-Ġdid, u ħoss tal-għaġeb jiġi mill-għoljiet. 11 Okorbu, nies li tgħammru fil-Maktes, għax ġens in-neguzjanti kollu nqered, u kollha tqaċċtu dawk li jiżnu l-fidda! 12 U jiġri f’dak iż-żmien, f’Ġerusalemm, nagħmel tfittxija kif imiss bid-dawl, u nikkastiga n-nies li, inkallati fit-tartru maħmuġ tagħhom, joqogħdu jgħidu f’qalbhom: ‘Ma jagħmel il-Mulej la ġid, lanqas deni!’ 13 Ġidhom għad jisirquhulhom, djarhom isiru ħerba; jibnu djar, iżda ma jgħammrux fihom; iħawlu dwieli, u nbid ma jeħdux minnhom.” Jum il-Mulej 14 Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib! Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa liema bħalha! Jum il-Mulej l-għajta tiegħu twerwrek, tintrafa’ mbagħad bħal għajta ta’ gwerrier. 15 Hu jum ta’ korla dak il-Jum, jum ta’ dwejjaq u niket, jum ta’ qerda u diqa, jum ta’ dlam u swied, jum imsaħħab u ta’ ċpar magħqud; 16 il-jum għad-daqq tat-tromba u għall-għajjat tal-gwerra kontra l-ibliet fortizzi u s-swar għoljin. 17 U jiena nibgħat dwejjaq fuq in-nies, u jterrqu qishom għomja, għax ħtew kontra l-Mulej. Demmhom bħat-trab jixxerred, u l-iġsma tagħhom jintremew bħaż-żibel. 18 La l-fidda tagħhom lanqas dehebhom ma jkun jista’ jeħlishom f’jum il-korla tal-Mulej. Fin-nar imħeġġeġ ta’ qilltu tintemm l-art kollha, għax qerda jagħmel, u tassew tal-għaġeb, minn kull min jgħammar fl-art. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society