MARK 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 1 Il-predikazzjoni ta’ Ġwanni l-Battista ( Mt 3,1-12 ; Lq 3,3-18 ; Ġw 1,19-28 ) 1 Il-Bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu l-Iben ta’ Alla. 2 Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Isaija l-profeta, ‘Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbâr tiegħi biex iħejji triqtek. 3 Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu’, 4 hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. 5 U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom. 6 Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. 7 U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. 8 Jiena għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidtkom bl-Ispirtu s-Santu.” Il-magħmudija ta’ Ġesù ( Mt 3,13-17 ; Lq 3,21-22 ) 9 U ġara li f’dawk il-jiem ġie Ġesù minn Nazaret tal-Galilija, u tgħammed minn Ġwanni fil-Ġordan. 10 U minnufih hu u tiela’ mill-ilma ra s-smewwiet jinfetħu, u l-Ispirtu bħal ħamiema nieżel fuqu; 11 u mis-smewwiet instama’ leħen: “Inti ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi.” It-tiġrib ta’ Ġesù fid-deżert ( Mt 4,1-11 ; Lq 4,1-13 ) 12 Imbagħad minnufih l-Ispirtu ħarġu fid-deżert. 13 U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli. Il-bidu tal-ministeru ta’ Ġesù fil-Galilija ( Mk 4,12-17 ; Lq 4,14-15 ) 14 Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla 15 u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju.” Ġesù jsejjaħ erba’ sajjieda ( Mt 4,18-20 ; Lq 5,1-11 ) 16 Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. 17 U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin.” 18 U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh. 19 Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, 20 u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh. Ġesù jfejjaq raġel li kellu spirtu ħażin ( Lq 4,31-37 ) 21 U daħlu Kafarnahum. Malajr, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. 22 In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba. 23 Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin 24 u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: ‘Il-Qaddis ta’ Alla’.” 25 Imma Ġesù kkmandah: “Iskot,” qallu, “u oħroġ minnu.” 26 Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu. 27 U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!” 28 U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija. Ġesù jfejjaq ħafna nies ( Mt 8,14-15 ; Lq 4,38-39 ) 29 Ħarġu mis-sinagoga u baqa’ sejjer ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. 30 Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. 31 Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom. 32 Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. 33 U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. 34 U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien. Ġesù jmur jippriedka ( Lq 4,42-44 ) 35 L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. 36 Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. 37 Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik.” 38 U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt.” 39 U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten. Ġesù jfejjaq wieħed lebbruż ( Mt 8,2-4 ; Lq 5,12-16 ) 40 Resaq fuqu wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni.” 41 Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf.” 42 U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. 43 U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr 44 u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda.” 45 Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society