SOFONIJA 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 3 Kontra l-poplu ta’ Iżrael 1 Ħażin għaliha għar-ras iebsa tagħha, għat-tinġis tagħha, il-belt li taħqar! 2 Għas-sejħa ma tatx widen, lanqas ma qagħdet għat-twiddib li kellha; hi ma riditx tittama fil-Mulej, lanqas ma resqet lejn Alla tagħha. 3 Il-kbarat tagħha f’nofsha ljuni jgħajtu: l-imħallfin tagħha lpup ta’ filgħaxija, li ma jħallux xi jgerrmu sa filgħodu; 4 fiergħa l-profeti tagħha, nies qarrieqa; il-qassisin tagħha s-santwarju jipprofanaw, u jiksru l-liġi. 5 Il-Mulej ġust f’nofsha, ma jagħmel ebda ħażen; ta’ kull filgħodu jxandar il-ġustizzja tiegħu, bħas-sebħ hu ma jonqosx; imma l-ħażin ma jaf b’ebda mistħija. Il-ġnus jieħdu tagħlima 6 “Jiena qaċċatt il-ġnus, saru l-gardjoli tagħhom ħerba waħda, ħarbatt it-triqat tagħhom, bla ħadd ma jgħaddi minnhom; inqerdu bliethom, bla ebda ruħ u ħadd ma jgħammar fihom. 7 Għedt jiena: ‘Issa żgur se tibża’ minni, tilqa’ t-twiddib, u minn quddiem għajnejha ma jitneħħiex dak kollu li bih żortha.’ Iżd’huma minnufih ħassru għemilhom kollu. 8 “Għalhekk, stennewni, oraklu tal-Mulej, għal dakinhar li fih inqum biex nixhed; għaliex hu digriet tiegħi li jien niġbor il-ġnus, niġma’ s-saltniet, sabiex il-qilla tiegħi nixħet fuqhom, nixħet ix-xrar tal-għadab kollu tiegħi, għax f’nar il-korla għajjura tiegħi l-art kollha għad tintemm. Il-pagani jikkonvertu 9 “Għax jiena mbagħad lill-popli nerġa’ nagħtihom diskors bla qerq, biex isem il-Mulej ilkoll isejħu, jaqduh qalb waħda. 10 Mix-xtajta l-oħra tax-xmajjar f’Kus sat-truf tat-Tramuntana, jadurani l-poplu mxerred tiegħi u jġib l-offerta tal-qmuħ tiegħu. Il-fdal umli ta’ Iżrael 11 “Int ma tibqax imħawda dakinhar għall-għemil kollu tiegħek li bih qomt kontrija, għax jiena mbagħad inneħħi minn ġo nofsok lil dawk fost niesek li jsibu l-hena tagħhom fil-kburija; u int ma żżidx titkabbar fuq l-għolja mqaddsa tiegħi. 12 U nħalli f’nofsok poplu umli u mċekken. U f’isem il-Mulej ifittxu l-kenn 13 dawk li jifdal minn Iżrael. Ma jagħmlux ħażen, ma jgħidux kliem b’ieħor, u lsien qarrieq ma jibqax iżjed f’fommhom, hekk li joqogħdu jirgħu u jistrieħu bla ma jbeżżagħhom ħadd.” Innu ta’ ferħ lil Sijon 14 Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon, Iżrael, samma’ leħnek! Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm! 15 Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik, keċċa l-għedewwa tiegħek. Is-sultan t’Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok; ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’. 16 Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm: “Tibżax, Sijon, tħallix idejk jintelqu: 17 il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok, gwerrier li jsalva; minħabba fik jithenna b’hena kbir, fi mħabbtu jġeddek, jinfexx minħabba fik f’għajjat ta’ ferħ, 18 bħalkieku f’jum ta’ festa. Il-ħsara nwarrab minnek, biex bl-għajb tiegħek ma tibqax mgħobbija. 19 Ara, jien nagħmel qerda dakinhar minn kull min ħaqrek, u nsalva ’l dawk li għotru, u nerġa’ nsejjaħ lejja l-imkeċċija, inqegħedhom għat-tifħir, nagħmlilhom isem fl-art kollha, u rreġġagħhom għal li kienu. 20 Jien f’dak iż-żmien inġibkom, u f’dak iż-żmien niġmagħkom, u nagħtikom isem fost il-popli kollha tal-art u dawn ifaħħrukom u rreġġagħkom għal li kontu quddiem għajnejkom stess,” jgħid il-Mulej. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society