MARK 2 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 2 Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ ( Mt 9,1-8 ; Lq 5,17-26 ) 1 Meta wara xi ġranet daħal Kafarnahum, in-nies semgħet li kien id-dar. 2 U nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-kelma. 3 U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies. 4 Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta’ fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ. 5 Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: “Ibni, dnubietek maħfura.” 6 Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f’qalbhom bdew jgħidu: 7 “Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?” 8 Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x’kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? 9 X’inhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ, ‘Dnubietek maħfura’, jew tgħidlu, ‘Qum u aqbad friexek u imxi’? 10 Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art,” qal lill-mifluġ, 11 “Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.” 12 Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ ’il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom.” Is-sejħa ta’ Levi ( Mt 9,9-13 ; Lq 5,27-32 ) 13 Raġa’ ħareġ lejn xatt il-baħar, u n-nies kollha resqu lejh, u hu qagħad jgħallimhom. 14 Hu u għaddej lemaħ lil Levi ta’ Alfew bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi. “Ejja warajja,” qallu. Dak qam u mar warajh. 15 U ġara li kif kien fuq il-mejda fid-dar tiegħu, bosta pubblikani u midinbin qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù, u mad-dixxipli tiegħu; għax kien hemm ħafna li bdew imorru warajh. 16 Il-kittieba tal-Fariżej, kif rawh jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani, qalu lid-dixxipli tiegħu: “Dan għaliex jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin?” 17 Ġesù semagħhom u qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin.” Mistoqsija fuq is-sawm ( Mt 9,14-17 ; Lq 5,33-39 ) 18 Darba waħda d-dixxipli ta’ Ġwanni u l-Fariżej kienu sajmin, u ġew u qalu lil Ġesù: “Għaliex id-dixxipli ta’ Ġwanni u d-dixxipli tal-Fariżej isumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux?” 19 Qalilhom Ġesù: “Huwa l-ħbieb tal-għarus se jsumu sakemm l-għarus ikun għadu magħhom? Sakemm ikollhom l-għarus magħhom mhumiex se jsumu. 20 Imma jasal il-jum meta l-għarus jitteħdilhom, u mbagħad isumu dak inhar. 21 Ħadd ma jraqqa’ mantar qadim b’biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa l-ġdida ssellet il-qadim, u t-tiċrita tikber. 22 U ħadd ma jqiegħed l-inbid il-ġdid f’damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella l-inbid jifqa’ d-damiġġani, u jintilef kemm l-inbid u kemm id-damiġġani. Iżda nbid ġdid jitqiegħed f’damiġġani ġodda!” Id-dixxipli jaqtgħu s-sbul is-Sibt ( Mt 12,1-8 ; Lq 6,1-5 ) 23 Ġara li darba s-Sibt kien għaddej minn għalqa miżrugħa, u d-dixxipli tiegħu, huma u mexjin, bdew jaqtgħu s-sbul. 24 U l-Fariżej staqsewh: “Ara, għaliex qegħdin jagħmlu dak li ma jiswiex nhar ta’ Sibt?” 25 U hu qalilhom: “Qatt ma qrajtu x’għamel David meta kien fil-ħtieġa u ħadu l-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu, 26 kif daħal fid-dar ta’ Alla, fi żmien il-qassis il-kbir Abjatar, u kiel il-ħobż tal-preżenza ta’ quddiem il-Mulej, li ħadd ma kien jista’ jieklu ħlief il-qassisin, u ta minnu wkoll lil min kien miegħu?” 27 U qalilhom: “Is-Sibt kien magħmul għall-bniedem, u mhux il-bniedem għas-Sibt. 28 Għalhekk Bin il-bniedem tas-Sibt ukoll huwa sid.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society