Online Bible

- Reklamy -

TITU 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 3 Id-dmirijiet tal-insara

1 Fakkarhom biex joqogħdu għall-maġistrati u għall-awtorità, jobduhom u jkunu dejjem imħejjija għal kull opra tajba;

2 biex ma jkasbru ’l ħadd, jaħarbu t-tilwim, ikunu umli, jimxu bil-ħlewwa ma’ kulħadd.

3 Għax aħna wkoll konna darba bla moħħ; konna nies li ma jridux jobdu, bnedmin li tilfu t-triq, ilsiera tal-passjonijiet u kull xorta ta’ pjaċiri; konna ngħixu fil-ħażen u fl-għira; konna nies ta’ min jobgħodna u għedewwa ta’ xulxin.

4 Iżda meta feġġet it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin,

5 hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu.

6 Dan l-Ispirtu hu sawwbu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna,

7 biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skont it-tama li għandna.

8 Din hi kelma żgura; u jiena rridek tisħaq fuq dawn il-ħwejjeġ, sabiex dawk li jemmnu f’Alla jieħdu ħsieb li jkunu minn tal-ewwel fl-opri tajba. Dan hu sabiħ u fejjiedi għall-bnedmin.

9 Aħrab il-kwistjonijiet fiergħa u l-ġenealoġiji u l-ġlied u t-tilwim fuq il-Liġi. Dawn kollha huma bla fejda u vojta.

10 Bniedem li jġib il-firda widdbu darba darbtejn, u mbagħad aħrab minnu.

11 Taf int, bniedem bħal dan hu korrott u midneb, ikkundannat minnu nnifsu.


L-aħħar istruzzjonijiet u tislijiet

12 Meta nibgħat għandek lil Artema jew lil Tikiku, fittex ejja ħdejja f’Nikopoli, għax qtajtha li ngħaddi x-xitwa hemmhekk.

13 Għin lil Zena, l-avukat, u lil Apollo biex ifittxu jitilqu, u qis li ma jkun jonqoshom xejn.

14 In-nies tagħna mbagħad għandhom jitgħallmu jkunu minn ta’ quddiem fl-opri tajba, biex jieħdu ħsieb ta’ kulma hu meħtieġ u ma jgħaddux ħajja bla frott.

15 Dawk kollha li hawn miegħi jsellu għalik. Sellili għal ħbiebna fil-fidi. Il-grazzja magħkom ilkoll.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy