Online Bible

- Reklamy -

RUMANI 8 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 8 Il-ħajja tal-Ispirtu

1 Mela issa ma hemm ebda kundanna għal dawk li jgħixu fl-għaqda ma’ Kristu Ġesù.

2 Għax il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsitni mil-liġi tad-dnub u tal-mewt.

3 Għax dak li ma felħitx tagħmel il-Liġi, għax kienet bla saħħa minħabba l-ġisem, għamlu Alla meta bagħat ’l Ibnu stess f’sura ta’ ġisem tad-dnub, bħala vittma għad-dnub. B’hekk ikkundanna d-dnub fil-ġisem,

4 biex dak li b’ġustizzja titlob il-Liġi jseħħ fina li ngħixu, imma skont l-Ispirtu u mhux skont il-ġisem.

5 Dawk li jgħixu skont il-ġisem, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-ġisem; dawk li jgħixu skont l-Ispirtu, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Ispirtu.

6 Ix-xewqat tal-ġisem iwasslu għall-mewt; ix-xewqat tal-Ispirtu jwasslu għall-ħajja u s-sliem.

7 Għalhekk ix-xewqat tal-ġisem huma għedewwa ta’ Alla; ma joqogħdux għal-liġi ta’ Alla, u anqas jistgħu joqogħdu.

8 Dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.

9 Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu.

10 Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja.

11 Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.

12 Hekk mela, l-aħwa, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skont il-ġisem.

13 Għax jekk tgħixu skont il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu.

14 Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.

15 Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abba! Missier!”

16 Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla.

17 Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.


Il-glorja li ġejja

18 Jiena għadni persważ li t-tbatijiet ta’ issa ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-glorja li għad trid tidher fina.

19 Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla;

20 għax il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa - mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha -

21 bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla.

22 Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas;

23 u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna.

24 Aħna salvi bit-tama. Meta wieħed jara l-ħwejjeġ li jkun ittama, ma tkunx aktar tama; għax kif jista’ wieħed jittama l-ħwejjeġ li ġa jkun ra?

25 Imma dak li qegħdin nittamaw, jekk m’aħniex narawh, qed nistennewh bis-sabar.

26 Hekk ukoll l-Ispirtu, min-naħa tiegħu, jgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna. Għax aħna anqas biss nafu nitolbu kif imiss, imma l-Ispirtu stess jidħol għalina bit-talb tiegħu bi tnehid li ma jistax jitfisser bil-kliem;

27 u Alla, li l-ħarsa tiegħu tinfed il-qlub, jaf x’inhi x-xewqa tal-Ispirtu; bit-talb tiegħu jidħol għall-qaddisin skont ma jrid Alla.

28 Aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skont il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom.

29 Għax lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa;

30 lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.


Il-glorja tal-imħabba ta’ Alla

31 Xi ngħid, mela, quddiem dan kollu? Jekk Alla hu magħna min jista’ jkun kontra tagħna?

32 Hu, li anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll kollox miegħu?

33 Min se jakkuża l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom.

34 Min se jikkundannahom? Kristu Ġesù li miet, jew aħjar, li qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.

35 Min se jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla?

36 Bħalma hu miktub: “Minħabba fik il-jum kollu jikkundannawna għall-mewt; jgħodduna bħal nagħaġ għall-qatla.”

37 Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna.

38 Għax jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la ta’ li ġej, la setgħat,

39 la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba ta’ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy