RUMANI 7 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 7 Ix-xbieha taż-żwieġ 1 Ma tafux intom, l-aħwa - qiegħed nitkellem ma’ nies li jafu l-Liġi - li l-liġi taħkem bniedem sakemm jibqa’ ħaj? 2 Hekk, il-mara miżżewġa hi marbuta bil-liġi ma’ żewġha sakemm hu jdum ħaj; jekk żewġha jmut tinħall mil-liġi ta’ żewġha. 3 Għalhekk, sakemm żewġha jkun għadu ħaj, jekk tiżżewweġ raġel ieħor, tkun adultera. Jekk żewġha jmut hi tkun ħielsa minn dik il-liġi u jekk tiżżewweġ raġel ieħor, ma tkunx adultera. 4 Hekk intom, l-aħwa, mittu għal-Liġi permezz tal-ġisem ta’ Kristu, biex intom tkunu ta’ ħaddieħor, jiġifieri, ta’ dak li kien imqajjem mill-imwiet, sabiex nagħmlu l-frott għal Alla. 5 Sakemm konna fil-ġisem, il-ġibdiet tad-dnub kienu jaħkmu fina permezz tal-liġi fil-membri tal-ġisem tagħna biex nagħmlu l-frott għall-mewt. 6 Issa aħna nħallejna mil-Liġi għax mitna għal dak li kien iżommna lsiera, biex issa nservu skont il-ħajja l-ġdida tal-Ispirtu u mhux aktar skont l-ittra l-qadima. Il-jasar tad-dnub fina 7 Xi ngħidu, mela? Li l-Liġi hi dnub? Ma jkun qatt! Imma ma kontx inkun naf x’inhu d-dnub, kieku ma kinitx il-Liġi; ma kontx inkun naf x’inhuma x-xewqat ħżiena kieku l-Liġi ma qaltlix: “Ma jkollokx xewqat ħżiena”. 8 Id-dnub ħa l-okkażjoni mill-kmandament u qajjem kull xorta ta’ passjoni fija. Mingħajr il-Liġi, id-dnub kien ikun ħaġa mejta. 9 Jien kont darba ngħix mingħajr il-Liġi, imbagħad ġie l-kmandament u d-dnub ħa r-ruħ. 10 Jien mitt: il-kmandament li kien maħsub biex iġib il-ħajja, spiċċa biex ġiebli l-mewt. 11 Id-dnub ħa okkażjoni mill-kmandament biex qarraq bija u qatilni. 12 Il-Liġi hi qaddisa u l-kmandament hu qaddis, ġust u tajjeb. 13 Mela dak li hu tajjeb sar mewt għalija? Ma jkun qatt! Iżda d-dnub, biex jurini li hu dnub, ġiebli l-mewt b’dak li hu tajjeb biex permezz tal-kmandament id-dnub jurini sa fejn jasal il-ħażen tad-dnub. 14 Nafu li l-Liġi hi spiritwali, imma jien tad-demm u l-laħam mibjugħ lid-dnub. 15 Ma nafx x’jien nagħmel; naf li mhux dak li rrid nagħmel iżda dak li ma rridx. 16 Jekk nagħmel dak li ma rridx, naqbel mal-Liġi li hi tajba. 17 Issa mela mhux aktar jien li qiegħed nagħmel dan iżda d-dnub li hemm jgħammar ġewwa fija. 18 Naf li t-tajjeb ma jgħammarx fija, jiġifieri f’ġismi. Ir-rieda tajba qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb mhux hemm. 19 M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid, imma qiegħed nagħmel il-ħażin li ma rridx. 20 Jekk jien nagħmel sewwasew dak li ma rridx, mhux jien mela qiegħed nagħmlu iżda d-dnub li hemm jgħammar fija. 21 Inħoss din il-liġi ġewwa fija: meta rrid nagħmel it-tajjeb, ifeġġ quddiemi l-ħażin. 22 Skont il-bniedem ta’ ġewwa togħġobni l-liġi ta’ Alla; 23 iżda nilmaħ fil-membri ta’ ġismi liġi oħra titqabad kontra l-liġi ta’ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi. 24 Imsejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt? 25 Niżżi ħajr lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu Sidna! Mela minni nnifsi jien naqdi lil-liġi ta’ Alla b’moħħi, iżda b’ġismi naqdi l-liġi tad-dnub. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society