Online Bible

- Reklamy -

RUMANI 6 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 6 Mejta għad-dnub, ħajja fi Kristu

1 Xi ngħidu mela? Nibqgħu fid-dnub biex toktor il-grazzja?

2 Ma jkun qatt! Aħna li mitna għad-dnub kif nistgħu ngħixu fih?

3 Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu?

4 Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.

5 Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbah lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt.

6 Dan nafu: li l-bniedem il-qadim tagħna ssallab miegħu, biex jinqered dan il-ġisem tad-dnub, sabiex ma nkunux aktar ilsiera tad-dnub.

7 Min imut, jeħles mid-dnub.

8 Jekk aħna mitna ma’ Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu.

9 Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu.

10 Hu li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla.

11 Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù.

12 Tħallux, mela, li d-dnub isaltan fuq dan il-ġisem tagħkom li jmut u toqogħdu għall-ġibdiet tiegħu;

13 anqas ma għandkom tħallu l-membri ta’ ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu l-ħażen għas-servizz tad-dnub; imma offru ruħkom lil Alla bħala nies li reġgħu mill-mewt għall-ħajja ħalli l-membri ta’ ġisimkom isiru għodda biex tagħmlu t-tajjeb għas-servizz ta’ Alla għall-ġustizzja tagħkom.

14 Għax lilkom id-dnub ma għandux jaħkimkom, ladarba m’intomx tgħixu taħt il-Liġi, imma taħt il-grazzja.


Ilsiera tal-ġustizzja

15 X’nagħmlu, mela? Ladarba m’aħniex taħt il-Liġi imma taħt il-grazzja, allura għandna nidinbu? Ma jkun qatt!

16 Ma tafux li jekk intom toffru ruħkom lil xi ħadd b’ilsiera biex tobduh, ta’ min tobdu tkunu l-ilsiera, kemm jekk dan ikun id-dnub, li jwassal għall-mewt, u kemm jekk tkun l-ubbidjenza li twassal għall-ġustifikazzjoni?

17 Imma niżżu ħajr lil Alla: intom kontu lsiera tad-dnub, imma issa obdejtu minn qalbkom dik il-kwalità ta’ tagħlim li ngħatalkom biex timxu fuqu;

18 infdejtu minn taħt id-dnub, imma tjassartu għall-ġustizzja.

19 Qiegħed nitkellem magħkom ta’ bnedmin li aħna, għax in-natura tagħkom dgħajfa. Bħalma l-membri ta’ ġisimkom kontu jassartuhom għaż-żina u l-ħażen, hekk issa dawn l-istess membri jassruhom għall-ġustizzja biex tkunu qaddisin.

20 Meta kontu lsiera tad-dnub, kontu ħielsa f’dak li għandu x’jaqsam mal-ġustizzja.

21 Xi frott ħsadtu dak iż-żmien mill-ħwejjeġ li issa qegħdin iħammrulkom wiċċkom? It-tmiem ta’ dawk il-ħwejjeġ hija l-mewt.

22 Imma issa li ħlistu mid-dnub u sirtu lsiera ta’ Alla, qegħdin taħsdu għalikom frott li jwassal għall-qdusija, u għandkom bħala tmiem il-ħajja ta’ dejjem.

23 Għax il-ħlas tad-dnub hu l-mewt, imma d-don li tana Alla huwa l-ħajja ta’ dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy