Online Bible

- Reklamy -

RUMANI 5 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 5 Il-frott tal-ġustifikazzjoni

1 Issa li aħna ġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla, permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu;

2 permezz tiegħu għandna d-dħul bil-fidi għal din il-grazzja li fiha qegħdin. Aħna niftaħru bit-tama li għandna li għad niksbu l-glorja ta’ Alla.

3 Mhux biss dan, imma niftaħru wkoll bis-sofferenzi, għax nafu li s-sofferenza ġġib is-sabar,

4 is-sabar irawwem il-ħila, il-ħila t-tama.

5 U din it-tama ma tqarraqx bina, għax l-imħabba ta’ Alla ssawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna.

6 Mela, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena.

7 Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż.

8 Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin.

9 Kemm aktar u aktar issa li aħna ġġustifikati b’demmu, insalvaw permezz tiegħu mill-korla ta’ Alla!

10 Jekk meta konna għadna għedewwa ta’ Alla tħabbibna miegħu bis-saħħa tal-mewt ta’ Ibnu, kemm iktar issa, li aħna ħbieb miegħu, insalvaw permezz tal-ħajja tiegħu?

11 Mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll f’Alla b’Sidna Ġesù Kristu li permezz tiegħu ksibna din il-ħbiberija.


Kristu u Adam

12 Għalhekk, bħalma kien permezz ta’ bniedem wieħed li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt, u hekk il-mewt laħqet il-bnedmin kollha, għax kollha dinbu…

13 Kienet għadha ma waslitx il-Liġi, id-dnub kien ġa fid-dinja: imma d-dnub ma kienx magħdud, ladarba Liġi ma kienx hemm.

14 Madankollu l-mewt saltnet ukoll minn Adam sa Mosè, imqar fuq dawk li ma waqgħux fid-dnub li fih kien waqa’ Adam, li kien xbieha ta’ dak li kellu jiġi.

15 Imma d-don mhuwiex bħall-ħtija. Għax jekk permezz ta’ ħtija waħda mietet il-kotra, aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li hu Ġesù Kristu, xterdu bil-bosta fuq il-kotra.

16 U d-don anqas ma hu bħall-frott ta’ dak il-wieħed li dineb; għax tassew, il-ġudizzju mogħti fuq dnub wieħed wassal sal-kundanna, iżda d-don mogħti wara ħafna dnubiet iwassal għall-ġustifikazzjoni.

17 Għax jekk minħabba fil-ħtija ta’ wieħed waħdu saltnet il-mewt, permezz ta’ dak il-wieħed, aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu.

18 Mela kif bil-ħtija ta’ wieħed waħdu waslet il-kundanna fuq il-bnedmin kollha, hekk ukoll bl-opra tal-ġustizzja ta’ wieħed waslet lill-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni tal-ħajja.

19 Għax kif bid-diżubbidjenza ta’ bniedem wieħed il-ħafna saru midinbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti.

20 Il-Liġi daħlet, biex kotru d-dnubiet; fejn kotor id-dnub, kotrot fuq li kotrot il-grazzja.

21 B’hekk, kif id-dnub saltan permezz tal-mewt, hekk issa l-grazzja ssaltan permezz tal-ġustizzja għall-ħajja ta’ dejjem bis-saħħa ta’ Ġesù Kristu Sidna.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy