Online Bible

- Reklamy -

RUMANI 4 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 4 L-eżempju ta’ Abraham

1 Xi ngħidu, mela, li sab Abraham, il-missier tagħna skont il-ġisem?

2 Li kieku Abraham kien iġġustifikat bis-saħħa tal-opri, kien ikollu biex jiftaħar; imma mhux quddiem Alla!

3 Għax xi tgħid l-Iskrittura? Tgħid li “Abraham emmen lil Alla u kien magħdud lilu b’ġustizzja”.

4 Il-ħlas lil min jaħdem ma jingħaddlux bi pjaċir, imma b’dejn;

5 iżda min bla ma jagħmel opri, jemmen lil Alla li jiġġustifika lil min hu ħażin, din il-fidi tiegħu tingħaddlu b’ġustizzja.

6 Hekk wkoll David jgħid kemm hu hieni l-bniedem li Alla jqisu b’ġust mingħajr l-opri:

7 “Hienja dawk li dnubiethom maħfura, u li ħtijiethom mgħottija .

8 Hieni l-bniedem li l-Mulej ma jgħoddlu ebda dnub.”

9 Din it-thennija tiswa biss għal-Lhud ċirkonċiżi, jew ukoll għall-pagani bla ċirkonċiżjoni? Aħna ngħidu: Il-fidi kienet magħduda lil Abraham b’ġustizzja.

10 Meta kien magħdud lilu dan? Meta kien ċirkonċiż, jew meta kien għadu bla ċirkonċiżjoni? Le, mhux meta kien ċirkonċiż, iżda meta kien għadu bla ċirkonċiżjoni.

11 Imbagħad irċieva s-sinjal taċ-ċirkonċiżjoni b’sinjal tal-ġustizzja permezz tal-fidi meta kien għadu bla ċirkonċiżjoni, biex ikun il-missier ta’ dawk kollha li jemmnu u ma jkunux ċirkonċiżi, sabiex lilhom ukoll tkun magħduda l-ġustizzja.

12 Hu missier iċ-ċirkonċiżjoni mhux biss għal-Lhud ċirkonċiżi, imma wkoll għal dawk li jimxu fuq il-passi tal-fidi ta’ missierna Abraham qabel ma kellu ċ-ċirkonċiżjoni.


Il-fidi u l-wegħda

13 Lil Abraham jew lin-nisel tiegħu l-wegħda li jirtu d-dinja ma saritilhomx permezz tal-Liġi, imma permezz tal-ġustizzja bil-fidi.

14 Għax li kieku fil-wirt kellhom jidħlu dawk biss li jgħixu bil-Liġi, il-fidi kienet tisfa fix-xejn u l-wegħda ma kienet tkun tiswa xejn.

15 Imma l-Liġi korla ġġib magħha, għax fejn ma hemmx liġi anqas ma hemm ksur ta’ liġi.

16 Għalhekk il-wegħda hi marbuta mal-fidi, biex tkun mogħtija bħala grazzja, u hekk tibqa’ sħiħa għal uliedu kollha, mhux biss dawk li jgħixu bil-Liġi, imma wkoll dawk li jgħixu bil-fidi ta’ Abraham - il-missier tagħna lkoll,

17 skont ma hemm miktub: “Jiena nagħmel minnek missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus” - missierna quddiem Alla li fih hu emmen, li jagħti l-ħajja lill-mejtin, u li jsejjaħ fl-eżistenza lil dak li ma jeżistix.

18 Meta ma kellu ebda tama, Abraham ittama u emmen; u hekk sar missier ta’ kotra kbira ta’ ġnus, skont ma kien intqal lilu: “Hekk għad ikun in-nisel tiegħek.”

19 U ma naqasx fil-fidi tiegħu, anqas meta ġieb quddiem għajnejh li ġismu kien mejjet għax kien għoddu laħaq il-mitt sena, u mejjet ukoll kien ġuf Sara.

20 Quddiem il-wegħda ta’ Alla ma qagħadx italla’ u jniżżel jekk jemminx jew le, imma ssaħħaħ fil-fidi, filwaqt li gglorifika lil Alla

21 u żamm bis-sħiħ li min kien għamillu l-wegħda kien qawwi biżżejjed biex iżomm kelmtu.

22 U kien għalhekk li dan ġie “lilu magħdud b’ġustizzja”.

23 Iżda l-kelmiet “ġie lilu magħdud” ma nkitbux għalih biss,

24 imma għad ikun magħdud ukoll lilna li nemmnu f’dak li qajjem mill-imwiet lil Ġesù Sidna,

25 li kien mogħti għall-mewt għal dnubietna, u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy