Online Bible

- Reklamy -

RUMANI 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 3

1 Mela x’għandhom iktar il-Lhud, jew x’tiswielhom iċ-ċirkonċiżjoni?

2 Ħafna u b’kull mod. Qabel xejn, għax lilhom kienu fdati l-orakli ta’ Alla.

3 X’jimporta jekk xi wħud minnhom ma emmnux? Jaqaw l-infedeltà tagħhom sa ġġib fix-xejn il-fedeltà ta’ Alla?

4 Ma jkun qatt! Ħa jkun jaf kulħadd li Alla hu sinċier u kull bniedem giddieb. Hekk hemm miktub: “Sabiex int tkun iġġustifikat fi kliemek, u tirbaħ meta tkun iġġudikat.”

5 Jekk l-inġustizzja tagħna sservi biex tidher il-ġustizzja ta’ Alla, x’għandna ngħidu? Forsi Alla hu inġust jekk jikkastigana? Qiegħed nitkellem ta’ bniedem li jien.

6 Ma jkun qatt. Inkella kif jista’ Alla jagħmel ħaqq mid-dinja?

7 Jekk il-verità ta’ Alla tidher aktar minħabba l-gidba tiegħi għall-glorja tiegħu stess, għaliex isir ħaqq minni bħala midneb?

8 Għaliex ma ngħidux - bħalma ħafna jgħajruna u jgħidu li aħna qegħdin ngħidu: Ħa nagħmlu l-ħażin, ħalli joħroġ it-tajjeb? Dawn ħaqqhom il-kundanna.


Ħadd ma hu ġust

9 Xi ngħidu mela? Aħna l-Lhud aħjar mill-oħrajn? B’ebda mod. Ġa wrejna li sew il-Lhud sew il-Griegi huma lkoll taħt il-ħakma tad-dnub.

10 Kif hemm miktub: “Ħadd, ebda wieħed, ma hu ġust;

11 ħadd ma għandu moħħ biex jifhem; ħadd ma hemm li jfittex lil Alla.

12 Ilkoll ħarġu minn triqathom; lkoll kemm huma tħassru; ħadd ma hemm li jagħmel is-sewwa; m’hemm lanqas wieħed.

13 Ħalqhom bħal qabar miftuħ; b’ilsienhom iqarrqu; taħt xufftejhom hemm il-velenu tas-sriep.

14 Fommhom mimli saħtiet u mrar;

15 riġlejhom ħfief biex ixerrdu d-demm,

16 kull fejn imorru ma jħallux għajr ħerba u qerda;

17 it-triq tas-sliem ma jafuhiex;

18 quddiem għajnejhom biża’ ta’ Alla m’hemmx.”

19 Nafu li kulma tgħid il-Liġi, tgħidu lil dawk li huma taħt il-Liġi, sabiex kulħadd jagħlaq ħalqu u d-dinja kollha tidher ħatja quddiem Alla.

20 Għalhekk quddiem Alla ħadd ma hu ġġustifikat bl-opri tal-Liġi; għax il-Liġi sservi biex tgħarrafna d-dnub.


Il-fidi u l-ġustifikazzjoni

21 Issa l-ġustizzja ta’ Alla dehret mingħajr il-Liġi, għad li l-Liġi u l-profeti jixhdu għaliha.

22 U din hi l-ġustizzja ta’ Alla u li Alla jagħti permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu lil dawk li jemmnu, bla ma jagħżel bejniethom.

23 Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja ta’ Alla;

24 għalhekk issa huma jkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù.

25 Lilu Alla qiegħdu sagrifiċċju ta’ tpattija għall-maħfra tad-dnubiet għal dawk li jemmnu bih. U dan bis-saħħa ta’ demmu. B’hekk Alla issa juri l-ġustizzja tiegħu, waqt li fl-imgħoddi għalaq għajnejh għad-dnubiet li saru fi żmien li kien jistabar bihom.

26 Ried, iva, juri l-ġustizzja tiegħu f’dan iż-żmien ħalli juri li hu ġust u jiġġustifika wkoll lil min jemmen f’Ġesù.

27 Biex, mela, jista’ wieħed jiftaħar? Ma hemmx biex. U bis-saħħa ta’ liema liġi? Tal-opri? Le, iżda bis-saħħa tal-liġi tal-fidi.

28 Għax aħna għandna fehma sħiħa li l-bniedem ikun iġġustifikat permezz tal-fidi mingħajr l-opri tal-Liġi.

29 Forsi Alla hu Alla tal-Lhud biss? Mhux tal-pagani wkoll? Iva, tal-pagani wkoll:

30 Alla hu wieħed, u hu l-istess wieħed li jiġġustifika permezz tal-fidi l-Lhudi ċirkonċiż u l-pagan mhux ċirkonċiż.

31 B’daqshekk qegħdin inġibu fix-xejn il-Liġi permezz tal-fidi? Ma jkun qatt, imma qegħdin inwettqu l-Liġi.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy