RUMANI 2 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 2 Il-kundanna tal-Lhud kburin bihom infushom 1 Int, ja bniedem, li tagħmel ħaqq minn ħaddieħor ma għandek ebda skuża, int min int. Għax int u tagħmel ħaqq minn ħaddieħor tkun tikkundanna lilek innifsek, ladarba int u tagħmel il-ħaqq tkun tagħmel l-istess. 2 Imma aħna nafu li dawk li jagħmlu ħwejjeġ bħal dawn, Alla jagħmel ħaqq minnhom skont il-verità. 3 U taħseb int, ja bniedem, li tagħmel ħaqq minn ħaddieħor li jagħmel dawn il-ħwejjeġ, u tagħmilhom int ukoll; taħseb int, li sejjer taħrab il-ġudizzju ta’ Alla? 4 Jew trid tabbuża mill-kobor tat-tjubija tiegħu, mis-sabar u l-ġenerożità tiegħu? Ma tafx li b’din il-ħniena tiegħu Alla jrid iwasslek għall-indiema? 5 B’din l-ebusija ta’ rasek u n-nuqqas ta’ ndiema f’qalbek, inti qiegħed tiġma’ għalik innifsek il-korla, għal jum il-korla, meta Alla għad jirrivela l-ġudizzju rett tiegħu, 6 u jħallas lil kulħadd skont ma jkun għamel: 7 jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk li jipperseveraw sal-aħħar fl-għemil it-tajjeb, u jkunu fittxew il-glorja u l-ġieħ u l-ħajja li ma tintemmx, 8 imma jerfa’ l-korla u l-qilla għal dawk li ma jridu jisimgħu b’xejn, u jirvellaw kontra l-verità biex imbagħad joqogħdu għall-ħażen. 9 Tbatija u dwejjaq għal kull ruħ ta’ bniedem li jagħmel il-ħażen, l-ewwel għal-Lhud, u mbagħad għall-Griegi; 10 glorja u ġieħ u sliem għal kull min jagħmel it-tajjeb, l-ewwel għal-Lhud, u mbagħad għall-Griegi. 11 Għax Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ! 12 Dawk kollha li dinbu mingħajr il-Liġi, jintilfu mingħajr il-Liġi; u dawk li dinbu taħt il-Liġi, isir ħaqq minnhom skont il-Liġi. 13 Għaliex mhux dawk li jisimgħu l-Liġi huma ġġustifikati; imma dawk li jħarsuha jkunu ġġustifikati quddiem Alla. 14 Għax meta l-pagani, li ma għandhomx il-Liġi, jagħmlu bl-istint naturali tagħhom dawk l-opri li titlob il-Liġi, huma jkunu liġi għalihom infushom. 15 Dawn juru b’għemilhom li l-preċetti tal-Liġi huma miktuba f’qalbhom, u dan tixhdu wkoll il-kuxjenza u r-raġuni tagħhom, li issa jakkużaw u issa japprovaw għemilhom. 16 Dan għad jidher dak in-nhar li fih Alla jagħmel ħaqq mill-għemejjel moħbija tal-bnedmin - skont l-Evanġelju tiegħi - permezz ta’ Ġesù Kristu. Il-Liġi u r-responsabbiltà tal-Lhud 17 Imma int, jekk tissejjaħ Lhudi u moħħok mistrieħ bil-Liġi u tiftaħar b’Alla; 18 int li taf ir-rieda ta’ Alla u l-Liġi għallmitek tagħraf tagħżel l-aħjar; 19 int li int persważ li taf tmexxi lill-għomja, li int id-dawl fid-dlam; 20 li int mgħallem tal-boloh; mgħallem taż-żgħar; li għandek l-għerf u l-verità fil-Liġi; 21 int li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int tippriedka: La tisraqx, u tisraq? 22 Tgħid: La tiżnix, u tiżni? Int tistkerrah lill-idoli, u tisraq it-tempji tagħhom? 23 Int tiftaħar bil-Liġi, u żżeblaħ lil Alla bil-ksur tal-Liġi? 24 Kif inhu miktub: “L-isem ta’ Alla hu mżeblaħ fost il-ġnus minħabba fikom.” 25 Iċ-ċirkonċiżjoni tiswielek jekk int tħares il-Liġi. Jekk int ma tħarisx il-Liġi ssir qisek pagan bla ċirkonċiżjoni. 26 Jekk pagan bla ċirkonċiżjoni jħares il-preċetti tal-Liġi, ma jkunx qiegħed hu, li hu bla ċirkonċiżjoni, jikkundanna lilek li int ċirkonċiż? 27 U l-Ġentili li ma għandux iċ-ċirkonċiżjoni f’ġismu, imma jħares il-Liġi, jagħmel ħaqq minnek, int li bil-Liġi miktuba u biċ-ċirkonċiżjoni b’kollox tikser il-Liġi. 28 Mhux dak li jidher li hu Lhudi minn barra hu Lhudi, lanqas min għandu ġismu ċirkonċiż; 29 il-Lhudi veru hu dak li hu Lhudi minn ġewwa; iċ-ċirkonċiżjoni vera hi dik tal-qalb, opra tal-ispirtu u mhux tal-Liġi miktuba. Bniedem bħal dan, mhux il-bnedmin ifaħħruh, imma Alla. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society