Online Bible

- Reklamy -

PROVERBJI 1 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 1 L-isem u s-suġġett tal-ktieb

1 Il-proverbji ta’ Salamun bin David sultan ta’ Iżrael:

2 biex jagħrfu l-bnedmin l-għerf u t-tagħlim, biex jifhmu kliem l-għaqal,

3 biex jieħdu tagħlim tajjeb, skont il-ġustizzja, id-dritt u s-sewwa;

4 biex jingħata d-dehen liċ-ċkejknin, l-għerf u l-għaqal liż-żgħażagħ.

5 Jisma’ wkoll l-għaref, u jżid l-għerf tiegħu, u min jifhem jitgħallem aktar,

6 biex jifhem il-proverbji u t-tixbihat, u xi jgħidu l-għorrief u l-kliem mistur tagħhom.

7 Il-biża’ tal-Mulej hu l-bidu tal-għerf; l-għerf u t-tagħlim il-boloh imaqdruhom.

8 Isma’, ibni, kliem missierek, u twarrabx tagħlim ommok;

9 dawn huma għalik kuruna sabiħa fuq rasek, u kullana ta’ ġieħ madwar għonqok.


Aħrab il-ħżiena

10 Ibni, jekk iħajruk il-ħżiena, toqgħodx għalihom.

11 Jekk jgħidulek, “Ejja magħna; nissajaw ħa nxerrdu d-dmija, nistaħbew ħa naħbtu għal min hu bla ħtija;

12 nibilgħuhom bħal Art l-Imwiet, ħajjin u sħaħ, bħal dawk li jmorru fil-ħofra;

13 nsibu kull ġid u għana, nimlew djarna bil-priża;

14 itfa’ xortik magħna, ikollna lkoll but wieħed.”

15 Ibni, tmurx magħhom fi triqthom, warrab riġlejk minn mogħdijiethom;

16 għax riġlejhom għall-ħażen jiġbdu, u għat-tixrid tad-demm jgħaġġlu.

17 Għalxejn tifrex ix-xibka, fejn kull għasfur jista’ jaraha.

18 Iżda dawn għal demmhom stess jissajjaw, u għalihom infushom jonsbu.

19 Din hi x-xorti ta’ min jistagħna bid-dnewwa, il-qligħ li jikseb ineħħilu ħajtu.


Is-sejħa tal-għerf

20 L-għerf jgħajjat fit-triqat, leħnu jgħolli fl-imsieraħ,

21 isejjaħ fil-bidu ta’ triq kollha storbju, ixandar fid-daħla ta’ bibien il-belt:

22 “Intom, boloh, kemm se ddumu tħobbu l-bluha? Kemm se jdumu l-insolenti jitgħaxxqu bl-insolenzi tagħhom, u l-boloh jobogħdu t-tagħlim?

23 Agħtu widen għat-twiddib tiegħi; jien se nsawwab ħsibijieti fuqkom, se ngħarraf kliemi lilkom.

24 Talli sejjaħtilkom, u intom ma ridtux tisimgħu, meddejt idejja lejkom, u ħadd ma ta kas;

25 talli warrabtu fil-ġenb kull parir tiegħi, u xejn ma ridtu t-twiddib tiegħi;

26 jien ukoll nidħak għall-ħsara tagħkom, nidħak bikom meta jaqbadkom il-biża’;

27 meta jaqa’ fuqkom bħal tempesta l-biża’, u bħal riefnu tiġi fuqkom il-ħsara, meta l-hemm u d-dwejjaq jaħkmukom.

28 Imbagħad isejħuli, imma jien ma nweġibhomx; ifittxuni, imma ma jsibunix.

29 Għax huma t-tagħlim jobogħduh, u l-biża’ tal-Mulej ma jriduhx;

30 għax il-pariri tiegħi ma laqgħuhomx, u maqdru t-twiddib kollu tiegħi.

31 Mela ħa jieklu frott għemilhom, u jixbgħu bl-għemejjel tagħhom.

32 L-ebusija ta’ moħħhom nieqes toqtolhom, u l-bruda tal-boloh teqridhom.

33 Imma min jisma’ lili jgħix moħħu mistrieħ, bla ebda tfixkil, bla biża’ tal-ħsara.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy