Online Bible

- Reklamy -

NUMRI 9 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 9 Il-festa tal-Għid fis-Sinaj

1 Fit-tieni sena mill-ħruġ tagħhom mill-Eġittu, fl-ewwel xahar, kellem il-Mulej lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj u qallu:

2 “Jagħmlu wlied Iżrael l-Għid fi żmienu.

3 Tagħmluh f’ħinu, fl-erbatax ta’ dan ix-xahar bejn inżul ix-xemx u d-dlam, tagħmluh skont il-liġijiet u r-riti tiegħu.”

4 Mosè qal lil ulied Iżrael biex jagħmlu l-Għid.

5 U għamlu l-Għid fl-erbatax tal-ewwel xahar, bejn inżul ix-xemx u d-dlam, fid-deżert tas-Sinaj, skont ma ordna l-Mulej lil Mosè; hekk għamlu wlied Iżrael.

6 Kien hemm xi nies li kienu mniġġsa minħabba bniedem mejjet, u ma setgħux jagħmlu l-Għid dak in-nhar, u resqu ħdejn Mosè u Aron f’dak il-jum.

7 U dawn in-nies qalulu: “Aħna mniġġsa minħabba bniedem mejjet. Għaliex għandna nkunu mċaħħdin milli noffru s-sagrifiċċju lill-Mulej f’waqtu ma’ wlied Iżrael?”

8 U Mosè weġibhom: “Stennew biex nara x’jordna l-Mulej dwarkom.”

9 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

10 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Kull min ikun imniġġes minħabba mejjet jew ikun fi vjaġġ ’il bogħod, intom jew ta’ warajkom, għandu jagħmel l-Għid f’ġieħ il-Mulej.

11 Jagħmlu fit-tieni xahar, f’inżul ix-xemx, jieklu bil-ħobż ażżmu u l-ħaxix morr.

12 Ma jħallu xejn għal filgħodu, u ma jiksru ebda għadma minnu. Jagħmlu kollox skont ir-rit tal-Għid.

13 Iżda min ikun safi, u ma jkunx fi vjaġġ ’il bogħod, u jibqa’ ma jagħmilx l-Għid, jinqata’ minn ma’ niesu għax ma jkunx ressaq l-offerta lill-Mulej f’waqtha; dan il-bniedem jitgħabba bil-piż tal-ħtija tiegħu.

14 Il-barrani li jkun jgħix magħkom, jekk ikun irid, jagħmel l-Għid f’ġieħ il-Mulej skont ir-rit tal-Għid. Liġi waħda, sew għall-barrani, sew għal wieħed mill-pajjiż.”


Is-sħaba tan-nar

15 Dak in-nhar li waqqfu t-tabernaklu, sħaba ksiet it-tinda tax-xhieda miktuba, u filgħaxija waqfet fuq it-tinda qisha nar sa filgħodu.

16 U kienet dejjem hekk: binhar kienet tgħattiha sħaba, u billejl kienet tidher bħan-nar.

17 Kull meta s-sħaba kienet togħla minn fuq it-tinda, minnufih ulied Iżrael kienu jitilqu, u fejn kienet isserraħ is-sħaba, hemm kienu jieqfu wlied Iżrael.

18 Ulied Iżrael, mela, kienu jimxu meta jordnalhom il-Mulej, u jieqfu meta jgħidilhom il-Mulej. U kemm kienet iddum wieqfa s-sħaba fuq it-tinda, daqshekk ieħor kienu jdumu wieqfa.

19 Sakemm is-sħaba kienet iddum fuq it-tinda, ulied Iżrael kienu jħarsu l-liġi tal-Mulej, u ma jiċċaqilqux.

20 Ġieli s-sħaba kienet iddum fuq it-tinda għal ftit jiem; skont ma kien jgħidilhom il-Mulej kienu jieqfu, u skont ma kien jordnalhom il-Mulej kienu jimxu.

21 Ximindaqqiet kien jiġri li s-sħaba kienet iddum wieqfa minn filgħaxija sa filgħodu; kienet togħla filgħodu, u huma kienu jiċċaqilqu; jew inkella ġieli kienet tieqaf jum u lejl, imbagħad kienet terġa’ togħla, u huma kienu jiċċaqilqu.

22 Imqar jekk is-sħaba kienet iddum wieqfa fuq it-tinda jumejn, xahar, jew sena, kienu jieqfu wkoll ulied Iżrael, u ma kinux jiċċaqilqu; imma meta kienet tintrefa’ kienu jitilqu.

23 Għall-kelma tal-Mulej kienu jieqfu, u għall-kelma tiegħu kienu jiċċaqilqu; kienu jħarsu t-twissijiet tal-Mulej li kien jagħtihom permezz ta’ Mosè.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy