NUMRI 8 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 8 1 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Kellem lil Aron u għidlu: Meta ttella’ l-imsiebaħ, qis li s-seba’ msiebaħ ikunu jiddu għal quddiem l-imnara.” 3 U Aron għamel hekk: tella’ l-imsiebaħ u qegħedhom iħarsu lejn in-naħa ta’ quddiem tal-imnara kif ordna l-Mulej lil Mosè. 4 L-imnara kienet tad-deheb battut, il-bastun u l-friegħi kollox battut. Mosè għamel l-imnara fuq il-mudell li wrieh il-Mulej. 5 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 6 “Ħu l-Leviti minn fost ulied Iżrael, u naddafhom. 7 U hekk għandek tagħmlilhom int u tnaddafhom: roxx fuqhom l-ilma għall-purifikazzjoni mill-ħtija; u jgħaddi l-mus tal-leħja minn fuq ġisimhom kollu, u jaħslu ħwejjiġhom u hekk ikunu ndaf. 8 Imbagħad jieħdu għoġol bl-offerta tal-qmuħ miegħu tas-smid imħallat biż-żejt, u ħu għoġol ieħor għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni. 9 Ressaq imbagħad il-Leviti quddiem it-tinda tal-laqgħa, u laqqa’ l-miġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael. 10 “U tressaq il-Leviti quddiem il-Mulej u wlied Iżrael iqiegħdu idejhom fuq il-Leviti. 11 U jressaq Aron, bħala offerta minn fost ulied Iżrael, lil-Leviti quddiem il-Mulej, biex jibqgħu jagħmlu s-servizz tal-Mulej. 12 Il-Leviti jqiegħdu idejhom fuq ras l-għoġiela, imbagħad offrihom wieħed sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u ieħor sagrifiċċju tal-ħruq lill-Mulej għall-maħfra tal-Leviti. 13 Imbagħad tqiegħed il-Leviti quddiem Aron u wliedu, u toffrihom u tressaqhom bħala offerta quddiem il-Mulej. 14 U hekk tagħżel il-Leviti minn fost ulied Iżrael, u l-Leviti jkunu tiegħi. 15 “U wara dan kollu l-Leviti jidħlu biex iservu fit-tinda tal-laqgħa. Hekk inti tnaddafhom u tressaqhom bħala offerta, 16 għaliex huma mogħtija lili minn fost ulied Iżrael, minflok kull min jitwieled l-ewwel minn mara; kull l-ewwel wild minn ulied Iżrael ħadtu jien għalija. 17 Għax tiegħi hu l-ewwel wild ta’ wlied Iżrael, kemm jekk ikun bniedem, kemm bhima; minn mindu qtilt l-ewwel ulied fl-art tal-Eġittu jien ikkonsagrajthom għalija; 18 u ħadt lil-Leviti minflok l-ulied tal-ewwel minn fost ulied Iżrael. 19 U tajt il-Leviti lil Aron u lil uliedu minn fost ulied Iżrael biex iservu minflok ulied Iżrael fit-tinda tal-laqgħa, u jitolbu għall-maħfra ta’ wlied Iżrael; u ħadd ma jkun hemm minn ulied Iżrael li jindarab hu u jersaq lejn is-santwarju.” 20 U Mosè u Aron u l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael hekk għamlu mal-Leviti skont ma ordnalhom jagħmlu magħhom il-Mulej. 21 Il-Leviti nħaslu bl-ilma tal-purifikazzjoni, ħaslu ħwejjiġhom, u Aron offriehom lill-Mulej u talab il-maħfra għalihom biex inaddafhom. 22 Imbagħad il-Leviti daħlu biex jagħmlu s-servizz tagħhom fit-tinda tal-laqgħa ħdejn Aron u wliedu. Mosè għamel magħhom skont ma ordnalu l-Mulej dwar il-Leviti. 23 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 24 “Din hi l-liġi tal-Leviti; minn ħamsa u għoxrin sena ’l fuq jidħlu għax-xogħol fis-servizz tat-tinda tal-laqgħa; 25 u mal-ħamsin sena jieqfu mix-xogħol fis-servizz u ma jaħdmux aktar. 26 Jista’ wieħed jgħin lil ħutu huma u jagħmlu l-għassa fit-tinda tal-laqgħa, imma ma jagħmilx xogħol. Hekk għandek tqassam ix-xogħol tal-Leviti.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society