NUMRI 7 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 7 Il-konsagrazzjoni tal-artal 1 Dakinhar li Mosè waqqaf it-tabernaklu, dilku u kkonsagrah, bit-tagħmir kollu tiegħu, dilek u kkonsagra wkoll l-artal u t-tagħmir kollu tiegħu. 2 Il-prinċpijiet ta’ Iżrael, il-kapijiet tal-familji ta’ missirijiethom - jiġifieri l-prinċpijiet tat-tribujiet, li ħadu ħsieb l-għadd tal-poplu - ressqu 3 u ġiebu l-offerti tagħhom quddiem il-Mulej: sitt karrijiet mgħottija u tnax-il baqra: karru għal kull żewġ prinċpijiet, u baqra għal kull wieħed, u ġibuhom quddiem it-tabernaklu. 4 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 5 “Ħudhom mingħandhom, biex iservu għas-servizz tat-tinda tal-laqgħa, u qassamhom lil-Leviti, lil kull wieħed skont ix-xogħol tiegħu.” 6 U Mosè ħa l-karrijiet u l-baqar, u tahom lil-Leviti. 7 Żewġ karrijiet u erba’ baqriet tahom lil ulied Gersun skont is-servizz tagħhom; 8 u erba’ karrijiet u tmien baqriet tahom lil ulied Merari, skont is-servizz tagħhom taħt it-tmexxija ta’ Itamar bin Aron, il-qassis. 9 U lil ulied Keħat ma tahom xejn, għaliex huma kellhom jieħdu ħsieb it-tagħmir ikkonsagrat, u jerfgħu kollox fuq spallejhom. L-offerti tal-prinċpijiet 10 Meta kien midluk u kkonsagrat l-artal tas-sagrifiċċju, il-prinċpijiet ġiebu l-offerta tagħhom; u ġiebu l-prinċpijiet l-għotja tagħhom quddiem l-artal. 11 U l-Mulej qal lil Mosè: “Il-prinċpijiet iressqu l-offerti tagħhom, wieħed kull jum, għall-konsagrazzjoni tal-artal.” 12 Fl-ewwel jum ressaq l-offerta tiegħu Naħson bin Għamminadab mit-tribù ta’ Ġuda. 13 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 14 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 15 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 16 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 17 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Naħson bin Għamminadab. 18 Fit-tieni jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ Issakar, Natanjel bin Sugħar. 19 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 20 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 21 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 22 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 23 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Natanjel bin Sugħar. 24 Fit-tielet jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ wlied Żebulun, Elijab bin Ħelon. 25 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 26 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 27 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 28 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 29 u għas-sagrifiċċju tas-sliem; żewġ baqriet, ħames imtaten, u ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Elijab bin Ħelon. 30 Fir-raba’ jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ wlied Ruben, Elisur bin Sedewr. 31 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqs kemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 32 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 33 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 34 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 35 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Elisur bin Sedewr. 36 Fil-ħames jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ wlied Simgħon, Selumjel bin Surisaddaj. 37 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 38 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 39 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 40 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 41 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Selumjel bin Surisaddaj. 42 Fis-sitt jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ wlied Gad, Eljasaf bin Degħwel. 43 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 44 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 45 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 46 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 47 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Eljasaf bin Degħwel. 48 Fis-seba’ jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ wlied Efrajm, Elisama bin Għammiħud. 49 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 50 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 51 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 52 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 53 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Elisama bin Għammiħud. 54 Fit-tmien jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ wlied Manassi, Gamaljel bin Pedaħsur. 55 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 56 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 57 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 58 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 59 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Gamaljel bin Pedaħsur. 60 Fid-disa’ jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ wlied Benjamin, Abidan bin Gidegħoni. 61 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 62 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 63 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 64 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 65 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Abidan bin Gidegħoni. 66 Fl-għaxar jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ wlied Dan, Aħigħeżer bin Għammisaddaj. 67 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 68 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 69 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 70 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 71 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Aħigħeżer bin Għammisaddaj. 72 Fil-ħdax-il jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ wlied Aser, Paggħijel bin Għokran. 73 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ; 74 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 75 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 76 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 77 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Paggħijel bin Għokran. 78 Fit-tnax-il jum ressaq l-offerta tiegħu l-prinċep ta’ wlied Naftali, Aħira bin Għenan. 79 Ġieb platt tal-fidda jiżen mija u tletin xekel; baċil tal-fidda jiżen sebgħin xekel daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju; it-tnejn mimlijin bis-smid imħallat biż-żejt għall-offerta tal-qmuħ: 80 bieqja tad-deheb tiżen għaxar xwiekel mimlija bl-inċens ifuħ; 81 għoġol, muntun, ħaruf ta’ dik is-sena għas-sagrifiċċju tal-ħruq; 82 bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 83 u għas-sagrifiċċju tas-sliem: żewġ baqriet, ħames imtaten, ħames bdabad, u ħamest iħrief tas-sena. Din kienet l-offerta ta’ Aħira bin Għenan. 84 Dawn kienu l-offerti tal-prinċpijiet ta’ Iżrael dak in-nhar li kkonsagraw l-artal u żanżnuh; tnax-il platt tal-fidda, tnax-il baċil tal-fidda, u tnax-il bieqja tad-deheb; 85 kull platt tal-fidda kien jiżen mija u tletin xekel; il-baċili tal-fidda kienu jiżnu sebgħin xekel kull wieħed; dawn il-fided kollha kienu jiżnu elfejn u erba’ mitt xekel tas-santwarju, 86 tnax-il bieqja tad-deheb mimlija bl-inċens ifuħ jiżnu għaxar xwiekel il-waħda daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju, b’kollox mija u għoxrin xekel; 87 baqar għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni kien hemm: tnax-il għoġol, tnax-il muntun, tnax-il ħaruf tas-sena bl-offerta tagħhom, tnax-il bodbod għas-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni; 88 baqar għas-sagrifiċċju tas-sliem, erbgħa u għoxrin għoġol, sittin muntun, sittin bodbod u sittin ħaruf tas-sena. Dawn kienu l-offerti meta kien ikkonsagrat l-artal u żżanżan. 89 Meta Mosè kien jidħol fit-tinda tal-laqgħa biex jitkellem mal-Mulej kien jisma’ l-leħen jitkellem minn fuq l-għatu tal-arka tax-xhieda miktuba, minn bejn il-kerubini; u hekk kien ikellmu. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society