NUMRI 6 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 6 Il-liġi tan-Nażrin 1 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta xi ħadd, raġel jew mara, jidħol għall-wegħda ta’ nażir, billi jagħti ruħu lill-Mulej, 3 għandu jiċċaħħad mill-inbid u xorb qawwi; ma jixrobx ħall tal-inbid jew ħall ta’ xorb qawwi; anqas ma għandu jixrob l-għasir tal-għeneb, anqas jiekol għeneb frisk jew imqadded. 4 “Kemm iddum il-wegħda ta’ nażir, ma jiekol xejn minn dak li jsir mid-dielja, jew li għandu mill-inbid, ibda mill-għeneb qares sal-qxur tiegħu. 5 “Kemm iddum il-wegħda ebda xafra ma għandha tgħaddi minn fuq rasu, sakemm ma jintemmux il-jiem tal-konsagrazzjoni tiegħu lill-Mulej; iżomm ruħu qaddis lill-Mulej, u jħalli dliel xagħru jikbru. 6 Ma jersaq lejn ebda mejjet, sakemm ikun ikkonsagrat lill-Mulej. 7 Ma jitniġġisx la f’mewt missieru, la f’mewt ommu, la f’mewt ħuh jew oħtu, għax ikollu fuq rasu l-wegħda ta’ nażir. 8 Sakemm iddum il-wegħda ta’ nażir, hu jkun ikkonsagrat lill-Mulej. 9 “Jekk xi ħadd jaqa’ mejjet ħdejh, u jmiss miegħu, u jniġġislu rasu ta’ nażir, hu għandu jqaxxar rasu f’jum il-purifikazzjoni tiegħu, iqaxxarha fis-seba’ jum. 10 Fit-tmien jum, imbagħad, iġib żewġ gamimiet jew żewġt ifrieħ tal-ħamiem għand il-qassis ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa; 11 u l-qassis joffri wieħed għall-ħtija, u l-ieħor b’sagrifiċċju tal-ħruq, u jpattilu għall-ħtija li jkun għamel minħabba l-mejjet, u dak in-nhar jikkonsagralu rasu mill-ġdid. 12 Jerġa’ jikkonsagra ruħu lill-Mulej, u jtenni jiem il-wegħda, u jġib ħaruf tas-sena b’sagrifiċċju għar-riparazzjoni; iż-żmien ta’ qabel ma jgħoddx, għax ikun kiser il-wegħda. 13 “Din hi l-liġi tan-nażir: Dak in-nhar li jintemm iż-żmien tal-konsagrazzjoni tiegħu, jersaq lejn bieb it-tinda tal-laqgħa, 14 u jġib miegħu b’offerta lill-Mulej: ħaruf tas-sena bla difett bħala sagrifiċċju tal-ħruq, u ħarufa tas-sena bla difett bħala sagrifiċċju tal-purifikazzjoni, u muntun bla difett għas-sagrifiċċju tas-sliem; 15 iġib ukoll qoffa ħobż ażżmu, qoffa ħobż miblul fiż-żejt, u ftajjar ażżmi midluka biż-żejt, bl-offerta tal-qmuħ u l-libazzjonijiet tagħhom. 16 U l-qassis iressaqhom quddiem il-Mulej, u joffri s-sagrifiċċju tal-purifikazzjoni u s-sagrifiċċju tal-ħruq. 17 U hu joffri l-muntun b’sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej flimkien mal-qoffa tal-ażżmu, u l-qassis joffri l-qmuħ u l-libazzjonijiet. 18 In-nażir imbagħad iqaxxar ir-ras ikkonsagrata tiegħu ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, jieħu x-xagħar ta’ rasu kkonsagrat, u jixħtu fin-nar li jkun hemm jaqbad taħt il-vittma tas-sagrifiċċju tas-sliem. 19 U l-qassis jieħu l-ispalla tal-muntun, meta tkun misjura, ftira ażżma mill-qoffa, u oħra ażżma rqiqa u jqegħedhom f’idejn in-nażir, wara li jkun qarweż xagħru kkonsagrat. 20 Imbagħad il-qassis ixejjirhom u joffrihom lill-Mulej; is-sider u s-sieq li jkunu offruti huma ħwejjeġ qaddisa li jmissu lill-qassis. Imbagħad in-nażir ikun jista’ jixrob l-inbid. 21 “Din hi l-liġi għan-nażir li jkun għamel il-wegħda. L-offerta tiegħu lill-Mulej tkun skont il-wegħda ta’ nażir, barra l-offerta li jkun jista’ jagħmel minn rajh. Għandu jagħmel skont il-liġi tal-konsagrazzjoni tiegħu bħala nażir, u skont il-wegħda li jkun għamel.” Il-barka tal-qassisin 22 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 23 “Kellem lil Aron u ’l uliedu u għidilhom: ‘Meta tbierku ’l ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom: 24 Ibierkek il-Mulej u jħarsek! 25 Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! 26 Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!’ 27 Hekk huma jsejħu ismi fuq ulied Iżrael, u jiena nberikhom.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society