NUMRI 5 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 5 Liġijiet oħra 1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Għid lil ulied Iżrael biex iwarrbu mill-kamp lil kull min għandu l-ġdiem, xi nxija jew tniġġes minħabba xi mejjet. 3 Warrab sew l-irġiel sew in-nisa, u oħroġhom ’il barra mill-kamp, li ma jitniġġsux il-kampijiet li jiena ngħammar fosthom.” 4 U wlied Iżrael għamlu hekk, u bagħtuhom ’il barra mill-kamp, kif ordna l-Mulej lil Mosè: hekk għamlu wlied Iżrael. 5 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 6 “Għid lil ulied Iżrael: Raġel jew mara li jagħmel xi dnub ta’ bniedem u jiksirha mal-Mulej, ikun ħati. 7 Jistqarr id-dnub li jkun għamel, iħallas għad-deni kollu u jżid miegħu mill-ħamsa waħda u jagħtiha lil min hu jkun għamel id-deni. 8 U jekk ma jkollu dan ir-raġel l-ebda qarib bid-dritt tal-fidwa, biex jitħallas tal-ħsara, ħlas il-ħsara jingħata lill-Mulej u jkun tal-qassis, barra mill-muntun tat-tpattija, li bih ipatti għalih, u mbagħad jitlob il-maħfra. 9 U kull offerta minn kull ħaġa qaddisa mingħand ulied Iżrael, li jġibu lill-qassis, din tkun tiegħu. 10 Dak li wieħed joffri jkun tiegħu; imma dak li jingħata lill-qassis, ikun tal-qassis.” Il-prova tal-għira bl-ilma morr 11 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 12 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Jekk xi ħadd, li martu tiżbalja u tittradih 13 billi xi ħaddieħor ikollu x’jaqsam magħha, u jibqa’ kollox mistur minn għajnejn żewġha, u ma kien hemm ebda xhud kontriha, għax tkun tniġġset bil-moħbi, u ma nqabditx fl-iżball; 14 u mbagħad żewġha tiġih l-għira u jgħir għal martu, sew jekk tkun tassew tniġġset sew jekk le, 15 għandu jġibha quddiem il-qassis. Iġib miegħu b’offerta għaliha, mill-għaxra waħda ta’ efa xgħir, bla ma jsawwab fuqha ebda żejt u anqas jixħet fuqha inċens, għax din hi offerta tal-għira, offerta ta’ tifkira, offerta biex tfakkar id-dnub. 16 “Il-qassis imbagħad iressaq il-mara u jqegħedha quddiem il-Mulej. 17 Jieħu mbagħad mill-ilma mqaddes f’bieqja tal-fuħħar u mit-trab tal-art tat-tinda u jħalltu mal-ilma. 18 Il-qassis imbagħad iġib u jqiegħed il-mara quddiem il-Mulej, u jikxfilha rasha, u jagħtiha f’idejha l-offerta tat-tifkira, l-offerta tal-għira; u f’id il-qassis jibqa’ l-ilma morr tas-saħta. 19 “Il-qassis imbagħad iġegħelha taħlef u jgħidilha: ‘Jekk int ebda raġel ma kellu x’jaqsam miegħek, u int ma tniġġistx, u ma twarrabtx minn żewġek, dan l-ilma tas-saħta ma jagħmillek xejn. 20 Jekk int tbegħedt minn żewġek u tniġġist, u xi raġel ieħor minbarra żewġek qagħad miegħek’; 21 hawn il-qassis iġiegħel lill-mara taħlef dan il-ġurament ta’ saħta u jgħidilha: ‘Jagħmel minnek il-Mulej eżempju fis-saħta u l-ħalfa f’nofs il-poplu tiegħek, billi jwaqqagħlek kuxxtejk u jneffaħlek żaqqek. 22 Ħa jidħol dan l-ilma tas-saħta fil-ġewwieni tiegħek u jwaqqagħlek kuxxtejk u jneffaħlek żaqqek.’ U l-mara twieġeb: ‘Ammen. Ammen.’ 23 “Imbagħad il-qassis jikteb dawn is-saħtiet fuq folja, u jħassar il-kitba fl-ilma morr, 24 biex imbagħad jisqi l-mara l-ilma morr tas-saħta u l-ilma jidħol fiha. 25 Il-qassis jieħu minn id il-mara l-offerta tal-għira, u jxejjirha quddiem il-Mulej u jressaqha fuq l-artal. 26 U l-qassis jieħu biċċa mill-offerta ta’ tifkira u jaħraqha fuq l-artal; imbagħad jisqi ’l-mara l-ilma. 27 Jekk wara li jkun sqieha l-ilma, hija tkun tniġġset u naqset lil żewġha, jidħol fiha l-ilma tas-saħta bl-imrar tiegħu kollu, tintefaħ żaqqha u jaqgħu kuxxtejha; u l-mara tkun saħta fost il-poplu tagħha. 28 Imma jekk ma tkunx tniġġset, u tkun safja, ma jiġrilha xejn u jibqa’ jkollha tfal. 29 “Din hi l-liġi fil-każ tal-għira; sew jekk il-mara, li tkun taħt is-setgħa ta’ żewġha, titbiegħed minnu u titniġġes, 30 u sew jekk ir-raġel li ġietu l-għira u għer għal martu, iġibha quddiem il-Mulej, u l-qassis jagħmlilha kulma titlob din il-liġi. 31 Hekk ir-raġel ma jieħu ebda ħtija, imma l-mara titgħabba bil-piż ta’ dnubha.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society