NUMRI 4 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 4 Dmirijiet oħra tal-Leviti 1 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Għodd lil ulied Keħat, minn fost ulied Levi, skont il-familji tagħhom u d-djar ta’ missirijiethom, 3 l-irġiel kollha bejn it-tletin u l-ħamsin sena, biex jagħtu s-servizz tagħhom fit-tinda tal-laqgħa. Ulied Keħat 4 “U dan hu s-servizz ta’ wlied Keħat fit-tinda tal-laqgħa fil-ħwejjeġ l-aktar qaddisa. 5 Kull meta jkun se jiċċaqlaq il-kamp, jidħlu Aron u wliedu, u jniżżlu l-velu, u jkebbu fih l-arka tax-xhieda miktuba, 6 u jqiegħdu fuqha għata tal-ġild tad-denfil u fuq dan biċċa drapp kollu vjola, imbagħad idaħħlu l-lasti f’posthom. 7 Jifirxu biċċa drapp vjola fuq il-mejda tal-ħobż tal-preżenza u jqiegħdu fuqha l-platti, l-imgħaref, il-kwies u l-bwieqi għat-tiswib tal-libazzjonijiet; u fuqha jkun hemm il-ħobż tal-preżenza għal dejjem. 8 U fuq kollox jifirxu biċċa drapp aħmar skarlatt, u jkebbuha b’għata tal-ġild tad-denfil, u jpoġġu l-lasti f’posthom. 9 Jieħdu biċċa drapp vjola u jgħattu biha l-imnara, l-imsiebaħ, l-imqassijiet, u l-bwieqi tagħha, u l-għodda kollha taż-żejt, meħtieġa għas-servizz tagħha; 10 ikebbuha bit-tagħmir kollu tagħha f’għata tal-ġild tad-denfil. 11 U jifirxu wkoll fuq l-artal tad-deheb biċċa drapp vjola, u jkebbuh fil-ġild tad-denfil, u jqiegħdu l-lasti tiegħu f’posthom. 12 “Jieħdu t-tagħmir kollu tas-servizz fis-santwarju, u jkebbuh f’biċċa drapp vjola, jgħattuh bil-ġild tad-denfil, u jqegħduh fuq il-lasti tal-ġarr. 13 U jnaddfu l-artal mill-irmied, u jixħtu fuqu biċċa drapp tal-porpra, 14 u jqiegħdu fuqu t-tagħmir kollu tiegħu għas-servizz, it-twaġen għall-ġamar, l-imqassijiet, il-pwali, il-bwieqi u t-tagħmir kollu tal-artal, u jgħattu kollox b’biċċa ġild tad-denfil u jqiegħdu l-lasti f’posthom. 15 “Meta Aron u wliedu jkunu għattew is-santwarju u t-tagħmir kollu tas-santwarju, meta jkun se jiċċaqlaq il-kamp, jersqu wlied Keħat, u jerfgħuhom, bla ma jmissuhom, inkella jmutu. Dan li kellhom jagħmlu wlied Keħat, fil-ġarr tat-tinda tal-laqgħa. 16 “Elgħażar bin Aron, il-qassis, għandu jieħu ħsieb iż-żejt għall-mixegħla, l-inċens ifuħ, l-offerta ta’ kuljum, u ż-żejt tal-konsagrazzjoni; għandu jieħu ħsieb it-tabernaklu kollu, u kulma kien hemm fih, bis-santwarju u t-tagħmir kollu tiegħu.” 17 U l-Mulej kellem lil Mosè u ’l Aron u qalilhom: 18 “Tħallux li n-nisel tal-familji tal-Keħatin jintemm minn nofs il-Leviti. 19 Imma biex jibqgħu ħajjin u ma jmutux meta jersqu lejn l-aktar ħwejjeġ qaddisa, agħmlilhom hekk: L-ewwel jidħol Aron u wliedu, u lil kull wieħed jagħtuh ix-xogħol tiegħu u jgħidulu x’għandu jġorr. 20 Il-Keħatin stess ma għandhomx jidħlu u jaraw, imqar għal waqt wieħed biss, is-santwarju: inkella jmutu.” Ulied Gersun 21 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 22 “Għodd lil ulied Gersun skont djar missirijiethom u l-familji tagħhom. 23 Għodd lil dawk kollha minn tletin sena ’l fuq sal-ħamsin, tajbin għall-gwerra, biex jagħmlu xi servizz fit-tinda tal-laqgħa. 24 Dan li għandhom jagħmlu l-familji tal-Gersunin fis-servizz u fil-ġarr: 25 iġorru d-drapp tat-tabernaklu u t-tinda tal-laqgħa, l-għata tal-ġild tad-denfil mifrux fuqu, il-velu fi dħul it-tinda tal-laqgħat; 26 id-drapp tal-bitħa, u l-purtiera tal-bieb tal-bitħa ta’ madwar it-tabernaklu u l-artal, il-ventijiet, u t-tagħmir kollu għas-servizz tagħhom; u jagħmlulhom kulma jkun jenħtieġ. 27 “Is-servizz kollu tal-Gersunin, x’għandhom iġorru u x’għandhom jagħmlu, ikun kollu taħt il-ħarsien ta’ Aron u wliedu; intom tgħidulhom x’għandhom jerfgħu biċċa biċċa. 28 Dan hu xogħol il-familji ta’ wlied Gersun fit-tinda tal-laqgħa: taħt il-ħarsien ta’ Itamar bin Aron, il-qassis. Ulied Merari 29 “Għodd ukoll lil ulied Merari skont il-familji u djar missirijiethom; 30 tgħodd l-irġiel kollha minn tletin sena’l fuq sal-ħamsin, tajbin għall-gwerra, biex jagħmlu xi servizz fit-tinda tal-laqgħa. 31 U dan hu x-xogħol tagħhom fil-ġarr u s-servizz fit-tinda tal-laqgħa; it-tavlar tat-tinda, it-traversi, il-pilastri, l-imqagħad tagħhom; 32 il-pilastri tal-bitħa dawramejt bl-imqagħad tagħhom, l-imsiemer u l-ventijiet u t-tagħmir kollu tagħhom għall-ħtiġiet tagħhom. Tgħidilhom b’isimhom il-ħwejjeġ kollha li għandhom jieħdu ħsieb iġorru. 33 “Dan hu x-xogħol tal-familji ta’ wlied Merari skont is-servizz tagħhom fit-tinda tal-laqgħa, taħt il-ħarsien ta’ Itamar bin Aron, il-qassis.” Iċ-ċensiment tal-Leviti 34 Għaddew Mosè u Aron u l-prinċpijiet kollha tal-ġemgħa l-ulied tal-Keħatin, skont il-familji u d-djar ta’ missirijiethom; 35 għaddew lill-irġiel kollha minn tletin sena ’l fuq sal-ħamsin, tajbin għall-gwerra, biex jidħlu jservu fit-tinda tal-laqgħa. 36 U l-għadd tagħhom skont il-familji tagħhom kien ilaħħaq elfejn seba’ mija u ħamsin ruħ. 37 Dan hu l-għadd tal-familji tal-Keħatin, li jservu fit-tinda tal-laqgħa, li għaddew Mosè u Aron skont ma qalilhom il-Mulej permezz ta’ Mosè. 38 U l-għadd ta’ wlied Gersun skont il-familji tagħhom u djar missirijiethom, 39 minn tletin sena ’l fuq sal-ħamsin, tajbin għall-gwerra, biex jagħmlu xi servizz fit-tinda tal-laqgħa, 40 dan l-għadd tagħhom skont il-familji tagħhom u djar missirijiethom kien elfejn u sitt mija u tletin ruħ. 41 Dan hu l-għadd tal-familji ta’ Gersun, ta’ dawk kollha li jservu fit-tinda tal-laqgħa, li għaddew Mosè u Aron skont ma qalilhom il-Mulej. 42 U l-għadd tagħhom, ta’ Merari, skont il-familji tagħhom u djar missirijiethom, 43 dawk kollha minn tletin sena ’l fuq sal-ħamsin, tajbin għall-gwerra, biex jagħmlu xi servizz fit-tinda tal-laqgħa, 44 l-għadd tagħhom skont il-familji tagħhom kien tlett elef u mitejn ruħ. 45 Dan hu l-għadd ta’ wlied Merari, li għaddew Mosè u Aron skont ma kien qalilhom il-Mulej permezz ta’ Mosè. 46 L-għadd kollu tal-Leviti li għaddew Mosè u Aron u l-prinċpijiet ta’ Iżrael, tal-Leviti skont il-familji tagħhom u djar missirijiethom, 47 minn tletin sena ’l fuq sal-ħamsin, tajbin għall-gwerra, ta’ dawk kollha li kellhom jersqu għax-xogħol tas-servizz jew għax-xogħol tal-ġarr tat-tinda tal-laqgħa, 48 l-għadd kien ilaħħaq tmint elef ħames mija u tmenin ruħ. 49 Ingħaddu minn Mosè skont ma kien ordna l-Mulej, wieħed wieħed skont is-servizz u t-tagħbija tiegħu; ingħaddu minnu skont ma kien ordnalu l-Mulej. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society