Online Bible

- Reklamy -

NUMRI 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 3 Ulied Aron u dmirijiethom

1 Dawn kienu l-ġenerazzjonijiet ta’ Aron u Mosè, meta l-Mulej kellem lil Mosè fuq il-muntanja Sinaj.

2 L-ismijiet ta’ wlied Aron kienu dawn: Nadab, il-kbir, Abiħu, Elgħażar u Itamar,

3 l-ismijiet ta’ wlied Aron, li kienu midlukin u kkonsagrati biex iservu ta’ qassisin.

4 Imma Nadab u Abiħu mietu quddiem il-Mulej meta offrewlu nar profan fid-deżert ta’ Sinaj; dawn tfal ma kellhomx. Għalhekk kienu jservu ta’ qassisin Elgħażar u Itamar taħt għajnejn Aron missierhom.

5 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

6 “Ressaq it-tribù ta’ Levi biex iservu lil Aron, il-qassis.

7 U jieħdu ħsieb kulma jeħtieġlu u kulma jkun hemm bżonn għal-laqgħa quddiem it-tinda tal-laqgħa, fis-servizz li għandu jsir fit-tabernaklu.

8 Jieħdu ħsieb it-tagħmir tat-tinda tal-laqgħa u ta’ kulma jenħtieġ għal ulied Iżrael fis-servizz fit-tabernaklu.

9 U inti tagħti l-Leviti lil Aron u lil uliedu: tagħtihomlu minn fost ulied Iżrael għalkollox.

10 U ’l Aron u ’l uliedu tagħżilhom biex iservu ta’ qassisin, u jekk xi profan ieħor jindaħal, ikun ħaqqu l-mewt.”

11 U kellem il-Mulej lil Mosè u qallu:

12 “Arani, jien għażilt lil-Leviti minn fost ulied Iżrael minflok l-ewwel tifel imwieled minn kull mara fost ulied Iżrael. Hekk il-Leviti jkunu tiegħi.

13 Għaliex tiegħi sar kull tifel, li jitwieled l-ewwel minn kull mara, dak in-nhar li jien qridt l-ulied il-kbar fl-art tal-Eġittu. Jien ikkonsagrajt għalija kulma jitwieled l-ewwel fost Iżrael, sew bniedem sew bhima. “Tiegħi jkunu: Jiena l-Mulej.”

14 U l-Mulej kellem lil Mosè fid-deżert tas-Sinaj u qallu:

15 “Għodd lil ulied Levi skont il-familji tagħhom, skont djar missirijiethom; għodd l-irġiel kollha minn xahar ’il fuq.”

16 U Mosè għaddhom skont ma qallu u kkmandah il-Mulej.

17 Dawn kienu wlied Levi b’isimhom: Gersun, Keħat u Merari.

18 Ulied Gersun, skont il-familji tagħhom kienu: Libni u Simgħi.

19 Ulied Keħat skont il-familji tagħhom kienu: Għamram u Isħir, Ħebron u Għużżijel.

20 Ulied Merari skont il-familji tagħhom: Maħli u Musi. Dawn kienu l-familji ta’ Levi skont id-djar ta’ missirijiethom.

21 Minn Gersun kienet ġejja l-familja ta’ Libni u l-familja ta’ Simgħi. Dawn huma l-familji tal-Gersunin,

22 u l-għadd ta’ rġiel fosthom minn xahar ’il fuq kien sebat elef u ħames mija.

23 Il-familji tal-Gersunin kellhom il-kamp tagħhom in-naħa tal-Punent wara t-tabernaklu;

24 u l-kap tad-dar tal-Gersunin kien Eljasaf bin Lajel.

25 Fis-servizz tagħhom fit-tinda tal-laqgħa kellhom jieħdu ħsieb tat-tabernaklu, u t-tinda, u l-purtiera tal-bieb tat-tinda tal-laqgħa, u

26 d-drapp tal-bitħa, u l-purtiera fi dħul il-bitħa madwar it-tinda, u l-artal, u l-bqija tat-tagħmir kollu għas-servizz tiegħu.

27 Il-familji ġejjin minn Keħat kienu: il-familja tal-Għamramin, u l-familja tal-Isħarin, u l-familja tal-Ħebronin, u l-familja tal-Għużżijelin. Dawn huma l-familji tal-Keħatin.

28 L-għadd tal-irġiel minn xahar ’il fuq: tmint elef u sitt mija. Kellhom jieħdu ħsieb il-post qaddis.

29 Il-familji ta’ wlied Keħat kellhom il-kamp ħdejn it-tabernaklu n-naħa ta’ Nofsinhar.

30 U l-kap tad-dar ta’ Keħat kien Elisafan bin Għużżijel.

31 Kellhom jieħdu ħsieb l-arka, u l-mejda, u l-imnara, u l-artal, u t-tagħmir għas-servizz fis-santwarju, u l-velu, u kulma kien meħtieġ għalih.

32 Il-kap fuq il-kapijiet l-oħra kollha tat-tribù ta’ Levi kien Elgħażar bin Aron, il-qassis, li kien magħżul fuq dawk kollha li kellhom jieħdu ħsieb is-santwarju.

33 Il-familji ta’ Merari kienu: il-familja ta’ Maħli u l-familja ta’ Musi. Dawn huma l-familji ta’ Merari.

34 L-għadd tal-irġiel minn xahar ’il fuq kien ta’ sitt elef u mitejn.

35 U l-kap tal-familja ta’ Merari kien Surjel bin Abiħajil; u kellhom il-kamp ħdejn it-tabernaklu fuq in-naħa tat-Tramuntana.

36 Ulied Merari kellhom jieħdu ħsieb it-twavel tat-tinda, u t-traversi, u l-pilastri, u l-imqagħad tagħhom, u t-tagħmir kollu tagħhom u kulma kien jenħtieġ,

37 il-pilastri tal-bitħa u l-imqagħad kollha tagħhom, l-imsiemer u l-ventijiet tagħhom.

38 Mosè u Aron u wliedu kellhom il-kamp tagħhom u t-tabernaklu fuq in-naħa tal-Lvant. Kellhom jieħdu ħsieb is-santwarju u ħsieb ulied Iżrael. Il-bniedem profan li kien jersaq ’l hemm kien ikun ħaqqu l-mewt.

39 Il-Leviti, li għaddew Mosè u Aron, skont l-ordni tal-Mulej, familja familja, l-irġiel kollha minn xahar ’il fuq, kienu jlaħħqu l-għadd ta’ tnejn u għoxrin elf ruħ.


Għadd l-imweldin l-ewwel

40 U l-Mulej qal lil Mosè: “Għodd l-imweldin l-ewwel kollha fost l-irġiel ta’ wlied Iżrael minn xahar ’il fuq, u ħu l-għadd kollu ta’ ismijiethom.

41 Ħu għalija - Jiena l-Mulej - il-Leviti minflok l-imweldin l-ewwel ta’ wlied Iżrael; u l-bhejjem tal-Leviti minflok l-imweldin l-ewwel tal-bhejjem ta’ wlied Iżrael.”

42 Mosè għadd l-imweldin l-ewwel ta’ wlied Iżrael skont ma ordnalu l-Mulej.

43 U l-irġiel kollha mweldin l-ewwel, minn xahar ’il fuq, magħduda b’isimhom, kienu tnejn u għoxrin elf u mitejn u tlieta u sebgħin ruħ.

44 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

45 “Ħu l-Leviti minflok l-imweldin l-ewwel ta’ wlied Iżrael, u l-bhejjem tal-Leviti minflok il-bhejjem tagħhom. Il-Leviti jkunu tiegħi: Jiena l-Mulej.

46 U bi prezz għall-fidwa tal-mitejn u tlieta u sebgħin imwieled l-ewwel ta’ wlied Iżrael, li jibqgħu żejda fuq l-għadd tal-Leviti,

47 ħu ħames xwiekel għal kull ras - ix-xekel ikun ta’ għoxrin uqija daqskemm jiswa x-xekel tas-santwarju.

48 Int tagħti dawn il-flus lil Aron u lil uliedu b’fidwa ta’ dawk li baqgħu żejda.”

49 U Mosè ħa l-flus tal-fidwa ta’ dawk li baqgħu żejda wara l-fidwa tal-Leviti.

50 Mill-imweldin l-ewwel ta’ wlied Iżrael ħa s-somma ta’ elf tliet mija u ħamsa u sittin xekel, daqskemm jiswa xekel tas-santwarju.

51 U Mosè ta l-flus ta’ dawk li kienu mifdija lil Aron u wliedu, skont ma ordnalu l-Mulej.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy