NUMRI 23 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 23 1 U Balgħam qal lil Balak: “Ibnili hawn seba’ artali, u lestili seba’ għoġiela u seba’ mtaten.” 2 U Balak għamel kif qallu Balgħam. U Balgħam u Balak offrew għoġol u muntun fuq kull artal; 3 u Balgħam qal lil Balak: “Int oqgħod ħdejn is-sagrifiċċju tiegħek, u jien nitbiegħed; għandu mnejn jiġi l-Mulej jiltaqa’ miegħi, u ngħidlek kulma jurini.” U telaq lejn għolja għerja. 4 U l-Mulej ġie jiltaqa’ miegħu, u Balgħam qallu: “Jien lestejt seba’ artali, u offrejt għoġol u muntun fuq kull artal.” 5 U l-Mulej qiegħed dan il-kliem fuq fomm Balgħam u qallu: “Erġa’ lura lejn Balak u għidlu li ngħidlek jien.” 6 U raġa’ mar ħdejh u sabu wieqaf ħdejn is-sagrifiċċju tiegħu, hu u l-prinċpijiet kollha ta’ Mowab, u 7 beda jitkellem u jgħid: “Minn Aram ġiebni Balak, is-Sultan ta’ Mowab mill-għoljiet tal-Lvant: ‘Ejja u isħetli lil Ġakobb; Ejja u idgħili lil Iżrael.’ 8 Kif nista’ nisħet lil min Alla ma seħtux? u kif nidgħi lil min Alla ma dgħalux? 9 Minn fuq il-qċaċet tal-blat qiegħed narah; nħares lejh minn fuq l-għoljiet. Dan poplu jgħammar waħdu; mal-ġnus ma jitħallatx. 10 Min għaddu trab Ġakobb, u min jgħodd ir-ramel ta’ Iżrael? Jalla mmut bħalma jmut il-ġust, u tmiemi jkun bħal tmiemu.” 11 Imbagħad Balak qal lil Balgħam: “X’għamiltli! Jien ġibtek biex tisħetli l-għedewwa tiegħi, u issa int qiegħed tberikhom!” 12 U wieġbu: “Mhux il-kliem li jqegħedli l-Mulej fuq fommi għandi nqis li ngħid?” It-tieni oraklu 13 U Balak qallu: “Ejja miegħi post ieħor mnejn tista’ tarahom. Tarf biss minnu tista’ tara, ma tarahx kollu, u isħethuli minn hemm.” 14 Ħadu fil-wita ta’ Sofim fuq il-quċċata tal-Pisga, u bena hemm seba’ artali, u offra għoġol u muntun fuq kull artal. 15 U qal lil Balak: “Oqgħod wieqaf ħdejn is-sagrifiċċju tiegħek, u jien ikolli laqgħa hemm.” 16 U l-Mulej iltaqa’ ma’ Balgħam, u qegħedlu dan il-kliem fuq fommu, u qallu: “Erġa’ lura u mur għand Balak, u għidlu li se ngħidlek.” 17 U ġie ħdejh, u sabu wieqaf ħdejn is-sagrifiċċju, u l-prinċpijiet ta’ Mowab miegħu. U Balak staqsieh: “X’jgħid il-Mulej?” 18 U Balgħam raġa’ beda jitkellem u jgħid: “Qum Balak u isma’; agħtini widen bin Siffur. 19 Alla mhux bniedem biex jigdeb; anqas bin Adam biex jibdielu. Forsi jgħid u ma jagħmilx? jitkellem, u ma jżommx kelmtu? 20 Arani! Ordnali nbierek. Hu bierek, u jiena ma nistax il-barka reġġa’ lura! 21 Ebda deni ma sab f’Ġakobb; u ebda ħażen ma ra f’Iżrael. Il-Mulej, Alla tiegħu, miegħu; sultan milqugħ b’għajjat ta’ ferħ. 22 Bħalma huma l-qrun għall-gendus selvaġġ, hekk għalihom Alla, li ħariġhom mill-Eġittu. 23 Ma hemmx seħer kontra Ġakobb; ma hemmx magħmul kontra Iżrael. Issa huwa l-waqt li jgħidu minn Ġakobb u Iżrael: ‘Araw Alla x’għamel!’ 24 Araw hawn poplu! Bħal iljun iqum, bħal iljun jieqaf fuq riġlejh; ma jistrieħx qabel ma jqarmeċ il-priża, qabel ma jixrob demm il-maqtulin.” 25 U Balak qal lil Balgħam: “Tisħtu xejn. Jekk int m’intix se tisħtu, anqas m’għandek tbierku.” 26 U Balgħam wieġeb lil Balak: “Ma kellimtekx u għedtlek li jien nagħmel dak li jgħidli l-Mulej?” It-tielet oraklu 27 U Balak qal lil Balgħam: “Ejja nieħdok naħa oħra, għandu mnejn Alla jogħġbu li tisħethuli minn hemm.” 28 U Balak ħa lil Balgħam fuq il-quċċata ta’ Pegħor, li tħares lejn id-deżert. 29 U Balgħam qal lil Balak: “Ibnili hawn seba’ artali, u lestili seba’ għoġiela u seba’ mtaten.” 30 U Balak għamel kif ordnalu Balgħam, u offra għoġol u muntun fuq kull artal. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society