NUMRI 22 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 22 Balgħam is-saħħar 1 U wlied Iżrael telqu u waqqfu l-kamp fil-wita ta’ Mowab, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, biswit Ġeriko. 2 Balak bin Siffur ra kulma kien għamel Iżrael lill-Amurrin, 3 u Mowab beża’ quddiem dik il-kotra ta’ poplu; u Mowab twerwer quddiem ulied Iżrael. 4 U Mowab qal lix-xjuħ ta’ Midjan: “Issa din il-kotra tibla’ l-inħawi kollha ta’ madwarna, bħalma l-gendus jibla’ l-ħdura tar-raba’.” Balak bin Siffur dik il-ħabta kien sultan ta’ Mowab. 5 U bagħat messaġġiera għand Balgħam bin Begħor f’Petor, li qiegħda fl-art ta’ wlied Għammaw, ħdejn ix-xmara, isejħulu u jgħidulu: “Ara! Poplu ħareġ mill-Eġittu, u kesa l-art, u diġà qiegħed jgħammar qrib tiegħi, 6 u issa ejja u isħet lil dan il-poplu, għax jiflaħ aktar minni, biex jien inkun nista’ nkissru u nkeċċih ’il barra mill-art. Jien naf li kulma tbierek int, ikun imbierek, u kulma tisħet int, ikun misħut.” 7 U x-xjuħ ta’ Mowab u x-xjuħ ta’ Midjan marru bil-ħlas tal-magħmul f’idejhom. U ġew għand Balgħam, u qalulu kulma qalilhom Balak. 8 U qalilhom: “Għaddu l-lejl hawnhekk, u jien inweġibkom skont ma jgħidli l-Mulej.” U l-prinċpijiet ta’ Mowab qagħdu ma’ Balgħam. 9 U Alla ġie għand Balgħam u qallu: “Min huma dawn in-nies li hawn għandek?” 10 U Balgħam wieġeb lil Alla: “Balak bin Siffur, is-sultan ta’ Mowab, bagħat jgħidli: 11 Ara! Hawn hu l-poplu li ħareġ mill-Eġittu u kesa wiċċ l-art. Ejja malajr u isħethuli ħalli nkun nista’ niġġilidlu u nkeċċih.” 12 U Alla qal lil Balgħam: “Tmurx magħhom, tisħetx lil dak il-poplu, għax hu mbierek.” 13 U Balgħam qam filgħodu u qal lill-prinċpijiet ta’ Balak: “Morru lejn pajjiżkom, għax il-Mulej ma jridx iħallini niġi magħkom.” 14 U l-prinċpijiet ta’ Mowab qamu u marru għand Balak, u qalulu: “Balgħam ma jridx jiġi magħna.” 15 U Balak raġa’ bagħat prinċpijiet aktar u ogħla minnhom. 16 U ġew għand Balgħam u qalulu: “Dan jgħid Balak bin Siffur: Tħallix xi jżommok milli tiġi għandi. 17 Nimliek bil-ġid, u nagħmel kulma tgħidli. Ejja isħetli ’l dan il-poplu.” 18 U Balgħam wieġeb u qal lill-qaddejja ta’ Balak: “Imqar jekk Balak jagħtini l-fidda u d-deheb b’kemm tasa’ daru, jien ma stajtx nikser il-kelma tal-Mulej Alla tiegħi, u nagħmel xi ħaġa, la kbira u la żgħira. 19 Imma għaddu l-lejl intom ukoll, u nara xi jgħidli aktar il-Mulej.” 20 U Alla ġie għand Balgħam billejl u qallu: “La darba ġew dawn in-nies ifittxuk, qum u mur magħhom, iżda qis li tagħmel biss dak li ngħidlek jien.” 21 U Balgħam qam filgħodu, xedd il-ħmara tiegħu, u telaq mal-prinċpijiet ta’ Mowab. 22 Il-Mulej inkorla għaliex mar; u l-anġlu tal-Mulej waqaf quddiemu u għalaqlu t-triq. Balgħam kien riekeb fuq il-ħmara, u miegħu kellu żewġ qaddejja. 23 Kif il-ħmara rat l-anġlu tal-Mulej wieqaf fit-triq bix-xabla misluta f’idu, ilwiet mit-triq u marret fir-raba’. Balgħam beda jsawwatha biex jerġa’ jġibha fit-triq. 24 U l-anġlu tal-Mulej qagħad f’mogħdija dejqa bejn id-dwieli, bejn żewġ ħitan, wieħed f’naħa u l-ieħor f’oħra. 25 U l-ħmara rat l-anġlu tal-Mulej u trasset mal-ħajt, u rasset riġel Balgħam mal-ħajt, u dan raġa’ beda jsawwatha. 26 U l-anġlu tal-Mulej raġa’ qabiżhom u waqaf f’post dejjaq li ma kienx hemm mogħdija ’l fejn tilwi, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug. 27 U l-ħmara rat l-anġlu tal-Mulej u għotrot taħt Balgħam; u Balgħam inkorla għaliha u raġa’ beda jagħtiha bil-ħatar. 28 U l-Mulej fetaħ fomm il-ħmara, u din qalet lil Balgħam: “X’għamiltlek? Diġà sawwattni tliet darbiet!” 29 U Balgħam qal lill-ħmara: “Għax qiegħda tgħaddi ż-żmien bija? Li kelli xabla f’idi kont noqtlok issa stess.” 30 U l-ħmara wieġbet lil Balgħam: “M’iniex jien il-ħmara tiegħek, li int dejjem irkibt sal-lum? Għandi forsi d-drawwa li nagħmillek hekk?” U wieġeb: “Le.” 31 U l-Mulej fetaħ għajnejn Balgħam, u ra l-anġlu tal-Mulej wieqaf fit-triq bix-xabla misluta f’idu; u baxxa rasu u nxteħet wiċċu fl-art. 32 U l-anġlu tal-Mulej qallu: “Għaliex sawwatt il-ħmara s’issa tliet darbiet? Arani, jien ħriġt biex nagħlaqlek it-triq, għax għalija t-triq li int qbadt hi ħażina. 33 Il-ħmara ratni u lwiet minn quddiemi tliet darbiet. Li kieku ma lwietx, kieku bħalissa diġà qtiltek, u ħallejt lilha ħajja.” 34 U Balgħam wieġeb lill-anġlu tal-Mulej: “Dnibt, għaliex ma għaraftx li int kont wieqaf fit-triq quddiemi. Issa jekk hemm xi ħaġa ħażina f’għajnejk, nerġa’ lura.” 35 U l-anġlu tal-Mulej qal lil Balgħam: “Mur ma’ dawn in-nies, iżda għidilhom biss li ngħidlek jien.” U Balgħam mar mal-prinċpijiet ta’ Balak. 36 U Balak sama’ li Balgħam kien wasal, u ħareġ jilqgħu fil-belt ta’ Għir-mowab li qiegħda fuq il-fruntiera tal-Arnon, f’tarf il-fruntiera. 37 U Balak qal lil Balgħam: “Ma bgħattx insejjaħlek? Għaliex ma ġejtlix? Jaqaw ma nistax nimliek bil-ġieħ?” 38 U Balgħam wieġeb lil Balak: “Arani, jien ġejt għandek; nista’ ngħid xi ħaġa minn rajja? Ngħid dak li l-Mulej iqiegħed fuq xufftejja.” 39 U Balgħam telaq ma’ Balak, u waslu Kirjat-ħusot. 40 Balak offra sagrifiċċji gniedes u nagħaġ, u bagħat minnhom lil Balgħam u lill-prinċpijiet li kienu miegħu. L-ewwel oraklu 41 L-għada filgħodu Balak qabad lil Balgħam u tellgħu fuq Bamot-bagħal, mnejn seta’ jara sa tarf il-poplu. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society