Online Bible

- Reklamy -

NUMRI 21 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 21 Rebħa fuq il-Kangħanin

1 Is-sultan Għarad tal-Kangħanin, li kien joqgħod fin-Negeb, sama’ li Iżrael kien ġej mit-triq ta’ Atarim; ħareġ jissielet miegħu, u qabad lil xi wħud minnhom priġunieri.

2 U Iżrael għamel wegħda lill-Mulej u qal: “Jekk tagħtini f’idejja dan il-poplu, neqred l-ibliet tagħhom.”

3 U l-Mulej sama’ t-talba ta’ Iżrael, u tahom f’idejhom il-Kangħanin. U qered lilhom u lil bliethom, u bdew isejħu dak il-post: Ħorma.


Is-serp tal-bronż

4 U telqu minn ħdejn il-muntanja Ħor mat-triq tal-Baħar tal-Qasab biex jeħduha bid-dawra mal-art ta’ Edom, imma l-poplu ddejjaq jimxi,

5 u beda jgerger kontra Alla u kontra Mosè: “Għala tellajtuna mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? Mhawnx ħobż u lanqas ilma; aħna xbajna b’dan l-ikel ħafif.”

6 U l-Mulej bagħat sriep velenużi f’nofs il-poplu u bdew jigdmuhom; u mietu ħafna mill-poplu ta’ Iżrael.

7 U l-poplu mar għand Mosè, u qalulu: “Dnibna għax tkellimna kontra l-Mulej u kontra tiegħek. Itlob lill-Mulej ħa jwarrab is-sriep minn fostna.” U Mosè mar jitlob għall-poplu.

8 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Agħmel serp tal-bronż velenuż, u arbulah bħal stendard; u kull min jingidem u jħares lejh ifiq u jgħix.”

9 U Mosè għamel serp tal-bronż, u arbulah bħal stendard. U ġara li kull min kien jigdmu s-serp kien iħares lejn is-serp tal-bronż, u kien ifiq u jgħix.


Ir-rebħa fuq Siħon

10 U wlied Iżrael telqu minn hemm u waqfu f’Obot;

11 u telqu minn Obot u waqqfu l-kamp f’Għijje-għabarim fid-deżert li jiġi biswit Mowab, in-naħa ta’ tlugħ ix-xemx.

12 Minn hemm reġgħu ċċaqilqu, u waqqfu l-kamp f’wied Żared.

13 Telqu minn hawn, u waqqfu l-kamp in-naħa l-oħra tax-xmara Arnon, fid-deżert, li ġejja mill-art tal-Amurrin; għax l-Arnon hi f’tarf Mowab, bejn Mowab u l-Amurrin.

14 Għalhekk jingħad fi Ktieb il-Gwerer tal-Mulej: “Waħeb f’Sufa u l-widien tal-Arnon,

15 u x-xaqliba tal-widien, li tieħu lejn l-għamajjar ta’ Għar, u tmiss ma’ truf Mowab.”

16 Minn hemm telqu lejn Bir; dan hu l-bir fejn il-Mulej qal lil Mosè: “Iġbor il-poplu flimkien u nagħtihom l-ilma.”

17 Imbagħad Iżrael għannew din l-għanja: “Fawwar ja bir! Għannulu!

18 Bir li ħaffruh il-prinċpijiet. U fetħuh il-kbarat tal-poplu bix-xettru u l-bsaten tagħhom.” U mid-deżert marru Mattana,

19 u minn Mattana sa Naħlijel, u minn Naħlijel għal Bamot,

20 u minn Bamot għall-wied li hemm fir-raba’ ta’ Mowab taħt il-quċċata tal-muntanja ta’ Pisga li tħares lejn id-deżert.

21 Iżrael bagħat messaġġiera jgħidu lil Siħon, is-sultan tal-Amurrin;

22 “Ħa naqsam mill-art tiegħek. Ma ngħaddux mir-raba’ jew l-oqsma tad-dwieli; ma nixorbux mill-ilma tal-bjar. Ngħaddu mit-triq tas-sultan sakemm naqsmu l-fruntieri tiegħek.”

23 Imma Siħon ma riedx iħalli lil Iżrael jaqsam il-fruntieri tiegħu; u ġabar il-poplu tiegħu kollu, u ħareġ jaħbat għal Iżrael fid-deżert, u kif wasal f’Ġaħas ħabat għal Iżrael.

24 Imma Iżrael qeridhom b’xifer ix-xabla, u ħadlu artu, mill-Arnon sal-Ġabbok sal-art tal-Għammonin; għax Ġagħżer kienet fuq il-fruntiera tal-Għammonin.

25 U Iżrael ħa dawk l-ibliet kollha, u għammar fl-ibliet kollha tal-Amurrin, f’Ħesbon, u fl-irħula kollha tagħha.

26 Għax Ħesbon hi l-belt ta’ Siħon, is-sultan tal-Amurrin. Dan kien għamel gwerra lis-sultan ta’ Mowab ta’ qablu, u ħadlu minn idejh l-art kollha tiegħu sal-Arnon.

27 Għalhekk jgħannu l-għannejja: “Ejjew Ħesbon! Tinbena u titla’ mill-ġdid il-belt ta’ Siħon.

28 Ħareġ in-nar minn Ħesbon, ilsna tan-nar mill-belt ta’ Siħon. U kielu Għar-mowab; u ħarbtu l-għoljiet tal-Arnon.

29 Ħażin għalik Mowab, int mitluf ġens ta’ Kemos. Telaq ’l ulied maħrubin, u l-bniet tiegħu mjassrin f’idejn Siħon, is-sultan tal-Amurrin.

30 Minn Ħesbon sa Dibon kollox meqrud, kollox qridna minn Nofa, bin-nar sa Medeba!”

31 U Iżrael beda jgħammar fl-art tal-Amurrin.


Ir-rebħa fuq Għog

32 U Mosè bagħat xi rġiel jitkixxfu l-belt ta’ Ġagħżer; u Iżrael qabdu l-irħula tagħha, u keċċew l-Amurrin li kienu jgħammru hemm.

33 Imbagħad daru u telgħu għat-triq ta’ Basan; u ħareġ għalihom Għog, is-sultan ta’ Basan, hu u l-poplu tiegħu kollu, biex jitqabad magħhom f’Edregħi.

34 U l-Mulej qal lil Mosè: “Tibżgħux minnu għax f’idejk nerħih, lilu u l-poplu kollu tiegħu, u ’l artu; u tagħmillu bħalma għamilt lil Siħon, is-sultan tal-Amurrin, li kien joqgħod f’Ħesbon.”

35 U ħabtu għalih, u għal uliedu, u għall-poplu kollu tiegħu, sakemm ma kien baqagħlu ebda wieħed; u ħadulu artu.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy