NUMRI 20 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 20 Ulied Iżrael jeħduha kontra l-Mulej 1 U l-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael waslu fid-deżert ta’ Sin fl-ewwel xahar, u l-poplu waqaf f’Kades; u mietet Mirjam u difnuha hemm. 2 Billi ma kienx hemm ilma għall-poplu, inġabru kontra Mosè u Aron. 3 Il-poplu ħadha ma’ Mosè u qalulu: “Mhux li mitna meta nqerdu ħutna quddiem il-Mulej. 4 Għala ġibtu l-poplu tal-Mulej f’dan id-deżert, biex immutu hawn aħna u l-bhejjem tagħna? 5 Għala tellajtuna mill-Eġittu biex ġibtuna f’post mill-agħar bħal dan, fejn ma jikber xejn, la qmuħ, la tin, la dwieli, la rummien; u lanqas ma fih ilma tax-xorb.” 6 U Mosè u Aron telqu minn quddiem il-ġemgħa tal-poplu u marru ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa, inxteħtu wiċċhom fl-art u dehritilhom il-glorja tal-Mulej. 7 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 8 “Ħu l-ħatar, u iġbor il-ġemgħa, int u ħuk Aron, u kellmu quddiemhom lill-blata, u din tagħti l-ilma tagħha; u hekk int toħorġilhom l-ilma mill-blata, u tisqi lill-ġemgħa u l-bhejjem tagħhom.” 9 U Mosè ħa l-ħatar minn quddiem il-Mulej, kif kien ordnalu. 10 U flimkien ma’ Aron ġabar il-ġemgħa quddiem il-blata, u Mosè qalilhom: “Isimgħuni, ja xewwiexa! Aħna se noħorġulkom l-ilma minn din il-blata?” 11 U Mosè għolla idu, u ħabbat darbtejn fuq il-blata bil-ħatar u bdew ħerġin gliegel ta’ ilma, u xorbu l-ġemgħa u l-bhejjem kollha. 12 U l-Mulej qal lil Mosè u lil Aron: “Għax intom ma emmintux fija, u ma ħaristulix qdusiti quddiem Iżrael, intom ma ddaħħlux lil din il-ġemgħa fl-art li se nagħtihom.” 13 Dawn huma l-ilmijiet ta’ Meriba, fejn ulied Iżrael ħaduha mal-Mulej, u hemm tahom prova ta’ qdusitu. L-Edomin ma jħalluhomx jgħaddu 14 Mosè bagħat messaġġiera minn Kades, jgħidu lis-sultan ta’ Edom: ‘Dan jgħidlek ħuk Iżrael: Int taf bl-hemm kollu li sibna ruħna fih. 15 Missirijietna niżlu l-Eġittu, u baqgħu fl-Eġittu għal ħafna żmien, u l-Eġizzjani ħaqruna, lilna u ’l missirijietna. 16 Għajjatna lill-Mulej, u sama’ leħinna, u bagħat anġlu, u ħariġna mill-Eġittu. U hawn aħna f’Kades, belt f’tarf artek. 17 Ħa ngħaddu minn artek; ma ngħaddux mir-raba’, lanqas mill-oqsma tad-dwieli, u lanqas ma nixorbu l-ilma tal-bjar. Ngħaddu mit-triq tas-sultan, bla ma nilwu lejn il-lemin jew lejn ix-xellug, sakemm naqsmu artek.” 18 U Edom weġibhom: “Ma tgħaddux minn għandi, inkella noħroġ għalikom bix-xabla.” 19 U wlied Iżrael qalulu: “Nitilgħu mit-triq ewlenija; u jekk nixorbu mill-ilma tiegħek, jien u l-bhejjem tiegħi, inħallsek tiegħu. Kemm ngħaddi bil-mixi.” 20 U wieġeb: “Ma tgħaddix.” U ħareġ Edom jilqagħhom b’forza qawwija u kotra ta’ nies. 21 Hekk Edom ma riedx iħalli lil Iżrael jaqsam l-art tiegħu, u Iżrael qabad triq oħra ’l bogħod minnu. Il-mewt ta’ Aron 22 U wlied Iżrael refgħu l-kamp minn Kades, u l-ġemgħa kollha waslu ħdejn il-muntanja Ħor. 23 U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron ħdejn il-muntanja Ħor, f’tarf art Edom u qalilhom: 24 “Aron se jinġabar ma’ niesu, għax mhux dieħel fl-art li tajt lil ulied Iżrael, għax intom merejtu kliemi ħdejn l-ilma ta’ Meriba. 25 Ħu lil Aron u lil Elgħażar ibnu, u tellagħhom fuq il-muntanja Ħor, 26 neżża’ lil Aron minn ilbiesu, u libbishom lil Elgħażar, ibnu; u jinġabar Aron ma’ niesu, u jmut hemm.” 27 U Mosè għamel kif ordnalu l-Mulej. U telgħu fuq il-muntanja Ħor quddiem il-ġemgħa kollha. 28 U neżża’ Mosè lil Aron minn ilbiesu u libbishom lil Elgħażar ibnu; u Aron miet hemm fuq il-quċċata tal-muntanja, u Mosè u Elgħażar niżlu minn fuq il-muntanja. 29 U l-ġemgħa kollha rat li miet Aron, u l-familja kollha ta’ Iżrael bkietu għal tletin jum. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society