Online Bible

- Reklamy -

NUMRI 2 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 2 It-tqassim tal-kamp

1 Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:

2 “Kulħadd taħt l-istendard tiegħu, u l-arma ta’ dar missirijiethom. Ulied Iżrael għandhom iwaqqfu l-kamp tagħhom madwar it-tinda tal-laqgħa.

3 In-naħa tal-Lvant ikun hemm l-istendard ta’ Ġuda skont il-qtajja’ tagħhom, u l-kap tagħhom ikun Naħson bin Għamminadab.

4 Il-qatgħa tiegħu tkun tgħodd erbgħa u sebgħin elf u sitt mitt ruħ.

5 “Ħdejn it-tribù ta’ Ġuda jkun hemm it-tribù ta’ Issakar, u l-kap tagħhom ikun Natanjel bin Sugħar.

6 Il-qatgħa tagħhom tkun ta’ erbgħa u ħamsin elf u erba’ mija.

7 It-tribù ta’ Żebulun u l-kap tagħhom Elijab bin Ħelon.

8 Il-qatgħa tiegħu tkun tgħodd sebgħa u ħamsin elf u erba’ mija.

9 Il-kamp ta’ Ġuda, magħdud skont il-qtajja’ tiegħu, ikun fih b’kollox mija u sitta u tmenin elf u erba’ mija. Dawn jimxu quddiem.

10 “Fuq in-naħa tan-Nofsinhar ikun hemm l-istendard tal-kamp ta’ Ruben skont il-qtajja’ tagħhom. Il-kap tagħhom ikun Elisur bin Sedewr;

11 il-qatgħa tagħhom ikun fiha sitta u erbgħin elf u ħames mija.

12 Ħdejhom ikun hemm it-tribù ta’ Simgħon, u l-kap tagħhom Salamjel bin Surisaddaj.

13 Il-qatgħa tagħhom ikun fiha disgħa u ħamsin elf u tliet mija.

14 It-tribù ta’ Gad bil-kap tiegħu Eljasaf bin Regħwel.

15 Il-qatgħa tagħhom ikun fiha ħamsa u erbgħin elf u sitt mija u ħamsin.

16 Il-kamp ta’ Ruben ikun fih b’kollox mija u wieħed u ħamsin elf u erba’ mija u ħamsin ruħ skont il-qtajja’ tagħhom. Dawn jimxu t-tieni.

17 “Imbagħad jimxi t-tabernaklu tal-laqgħa, bil-kamp tal-Leviti f’nofs il-kampijiet l-oħra, kif ikunu mqassmin fil-kamp kollu. Kulħadd fit-taqsima tiegħu taħt l-istendard tiegħu.

18 “Fuq in-naħa tal-Punent ikun hemm it-tribù ta’ Efrajm skont il-qatgħa tagħhom. Il-kap tagħhom ikun Elisama bin Għammiħud.

19 Il-qtajja’ tagħhom ikun fihom erbgħin elf u ħames mija.

20 Ħdejhom ikun hemm it-tribù ta’ Manassi, u l-kap tagħhom ikun Gamaljel bin Pedaħsur,

21 u l-qtajja’ tagħhom ikun fihom tnejn u tletin elf u mitejn.

22 It-tribù ta’ Benjamin u l-kap tagħhom Abidan bin Gidegħoni

23 u l-qtajja’ tagħhom ħamsa u tletin elf u erba’ mija.

24 Il-kamp ta’ Efrajm ikun jgħodd mija u tmint elef u mitt ruħ skont il-qtajja’ tagħhom. Dawn jimxu t-tielet.

25 “Lejn it-Tramuntana mbagħad ikun hemm it-tribù ta’ Dan skont il-qtajja’ tagħhom, u l-kap tagħhom Aħigħeżer bin Għammisaddaj.

26 Il-qtajja’ tagħhom ikun fihom tnejn u sittin elf u seba’ mija.

27 Ħdejhom ikun hemm il-kamp ta’ Aser u l-kap tagħhom ikun Paggħijel bin Għokran.

28 Il-qatgħa tagħhom ikun fiha wieħed u erbgħin elf u ħames mija.

29 Imbagħad it-tribù ta’ Naftali u l-kap tagħhom Aħira bin Għenan,

30 u l-qatgħa tagħhom ikun fiha tlieta u ħamsin elf u erba’ mija.

31 Il-qtajja’ tal-kamp ta’ Dan mija u sebgħa u ħamsin elf u sitt mija. Dawn jimxu l-aħħar taħt l-istendard tagħhom.”

32 Dan hu l-għadd ta’ wlied Iżrael skont id-djar ta’ missirijiethom. Il-kamp kollu skont il-qtajja’ tagħhom kien fih sitt mija u tlitt elef ħames mija u ħamsin ruħ.

33 Il-Leviti ma kinux magħduda ma’ wlied Iżrael, kif kien ordna l-Mulej lil Mosè.

34 U wlied Iżrael għamlu skont ma l-Mulej ordna lil Mosè. Hekk kienu jikkampjaw u hekk jimxu, kulħadd taħt l-istendard tiegħu skont il-familja u dar missirijietu.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy