Online Bible

- Reklamy -

NUMRI 19 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 19 Il-purifikazzjoni tal-imniġġes

1 Il-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:

2 “Dan hu l-kmandament tal-liġi li ordna l-Mulej, u qal: Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom iġibulek baqra ħamra, qawwija u sħiħa, bla ebda difett, li qatt ma refgħet il-madmad.

3 Intom tagħtuha lil Elgħażar, il-qassis, u dan joħroġha barra l-kamp, u hemm joqtluha quddiemu.

4 Elgħażar, il-qassis, imbagħad ibill sebgħu f’demmha, u jroxxu fuq in-naħa tat-tinda tal-laqgħa għal seba’ darbiet.

5 Imbagħad jaħarqu l-baqra quddiem għajnejh: il-ġild, il-laħam, id-demm, u l-ħmieġ tagħha.

6 “Il-qassis jaqbad injama taċ-ċedru, żuf, u ħajt aħmar skarlatt, u jixħethom ġol-ħuġġieġa tal-baqra.

7 Imbagħad il-qassis jaħsel ħwejġu u ġismu bl-ilma, u wara jidħol fil-kamp, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija.

8 U min ikun ħaraq il-baqra jaħsel ħwejġu u ġismu bl-ilma, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija.

9 “Imbagħad xi ħadd li jkun nadif jiġbor l-irmied tal-baqra, u jieħdu barra l-kamp f’post nadif, u jerfgħuh għall-ġemgħa ta’ wlied Iżrael biex jagħmlu l-ilma għall-purifikazzjoni ritwali, għax dan hu sagrifiċċju għall-purifikazzjoni.

10 Min ikun ġabar l-irmied tal-baqra jaħsel ħwejġu, u jibqa’ mniġġes sa filgħaxija. Din tkun il-liġi għal dejjem għal ulied Iżrael, u għall-barrani li jgħammar f’nofshom.

11 “Kull min imiss ġisem ta’ bniedem mejjet, jibqa’ mniġġes għal sebat ijiem;

12 jitnaddaf b’dak l-ilma fit-tielet u s-seba’ jum, u jkun nadif, u jekk ma jitnaddafx fit-tielet u s-seba’ jum, ma jkunx nadif.

13 “Min imiss katavru - il-ġisem ta’ bniedem mejjet - u ma jitnaddafx, iniġġes l-għamara tal-Mulej u dan il-bniedem ikun maqtugħ minn Iżrael, għax l-ilma tal-purifikazzjoni ma jkunx issawwab fuqu, u jibqa’ mniġġes, għax l-inġiesa tibqa’ fuqu.

14 “Din hi l-liġi għal meta bniedem imut fit-tinda: kull min jidħol fl-għarix u kulma jkun hemm fl-għarix ikun imniġġes għal sebat ijiem.

15 Kull reċipjent miftuħ, bla għatu marbut fuqu, ikun imniġġes.

16 U kull min imiss fil-beraħ tar-raba’ lil xi ħadd maqtul bis-sejf jew li miet waħdu, xi għadam ta’ bniedem jew xi qabar, ikun imniġġes għal sebat ijiem.

17 “U jieħdu għal dan l-imniġġes mill-irmied tal-vittma maħruqa għall-purifikazzjoni u fuqha jsawbu ilma ġieri f’xi ħaġa tal-fuħħar.

18 Imbagħad xi ħadd nadif jieħu ż-żuf f’idejh, ibillu fl-ilma, u jroxxu fuq l-għarix, u t-tagħmir kollu fih, u n-nies li jkunu fih, u fuq dak li jkun mess xi għadam, jew xi wieħed maqtul, jew xi mejjet li jkun miet waħdu, jew xi qabar.

19 Il-bniedem nadif iroxx fuq l-imniġġes fit-tielet u fis-seba’ jum, u meta jkun naddfu fis-seba’ jum, dan jaħsel ħwejġu u jinħasel fl-ilma, u filgħaxija jkun nadif.

20 Il-bniedem li jkun tniġġes u ma tnaddafx ikun maqtugħ mill-ġemgħa, għax ikun niġġes is-santwarju tal-Mulej, għax ma jkunux sawbu fuqu l-ilma tal-purifikazzjoni, u għalhekk baqa’ mniġġes.

21 Din tkun liġi għal dejjem għalihom: dak li jkun sawwab l-ilma tal-purifikazzjoni jaħsel ħwejġu, u min ikun mess l-ilma tal-purifikazzjoni jibqa’ mniġġes sa filgħaxija;

22 u kulma jmiss il-bniedem imniġġes ikun imniġġes, u l-bniedem li jkun messu jibqa’ mniġġes sa filgħaxija.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy