NUMRI 18 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 18 L-obbligi u d-drittijiet tal-Leviti 1 U l-Mulej qal lil Aron: “Int u wliedek, u dar missierek, terfgħu l-piż tad-dnubiet fis-santwarju; u int u wliedek miegħek terfgħu l-piż tad-dnubiet tas-saċerdozju tagħkom. 2 U ’l ħutek ukoll mit-tribù ta’ Levi, mit-tribù ta’ missierek, tressaqhom miegħek biex jaqduk meta int u wliedek tkunu quddiem it-tinda tax-xhieda miktuba. 3 U jaqduk u jservuk f’dak kollu li għandu x’jaqsam mat-tinda, iżda m’għandhomx jersqu lejn il-ħwejjeġ ikkonsagrati jew lejn l-artal, inkella jmutu, huma u intom magħhom. 4 Iservu lilek, u jservu f’dak kollu li għandu x’jaqsam mat-tinda tal-laqgħa, fis-servizz kollu li għandu x’jaqsam mat-tinda, u ebda profan m’għandu jersaq ħdejkom. 5 Tieħdu ħsieb is-santwarju, u s-servizz tal-artal, u ma jkunx hemm aktar għadab kontra wlied Iżrael. 6 U, arawni, jiena ħadt il-Leviti ħutkom minn fost ulied Iżrael, li tawhom lilkom bħala offerta lill-Mulej biex iservu fit-tinda tal-laqgħa. 7 Int u wliedek miegħek tagħmlu d-dmirijiet tagħkom ta’ qassisin f’kulma għandu x’jaqsam mal-artal u ’l ġewwa mill-velu; dan is-servizz hu rigal li nagħtihulkom mas-saċerdozju tagħkom, u l-profan li jersaq ikun ħaqqu l-mewt.” 8 U l-Mulej kellem lil Aron: “Arani, jien nagħtik li tieħu ħsieb kulma joffruli; kulma jikkonsagraw ulied Iżrael, nagħtih lilek minħabba l-konsagrazzjoni tiegħek, u lil uliedek bi dritt għal dejjem. 9 Dan hu li jmissek mill-bċejjeċ l-aktar qaddisa mhux maħruqa: kulma jagħtu b’offerta u kull sagrifiċċju għall-purifikazzjoni u kull sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, li jrodduli bħala ħaġa qaddisa, ikun tiegħek u ta’ wliedek. 10 Tikluh f’post l-aktar qaddis, u jieklu minnu l-irġiel kollha; tkun ħaġa qaddisa għalik. 11 U jkun tiegħek dan ukoll: nagħtik kulma jittieħed mill-offerti tagħhom, minn kulma jgħollu b’offerta wlied Iżrael quddiemi, nagħtih lilek u lil uliedek, subien u bniet, bi dritt għal dejjem; jista’ jiekol minnu kull min ikun safi f’darek. 12 Nagħtik l-aħjar taż-żejt, tal-inbid, tal-qamħ, tal-bikri li jagħtu lill-Mulej. 13 Il-frott tal-ewwel tal-art tagħhom li jġib lill-Mulej, ikun tiegħek; jista’ jiekol minnhom kull min ikun safi f’darek. 14 Kull ħaġa f’Iżrael, li tkun iddedikata lil Alla, tkun għalik. 15 “Kull xorta tal-ewwel wild ta’ mara li joffru wlied Iżrael lill-Mulej, kemm tal-bnedmin, kemm tal-bhejjem, ikunu tiegħek. Iżda qis li jinfeda l-ewwel tal-bnedmin, u l-ewwel tal-bhima mniġġsa. 16 Int tirċievi l-flus tal-fidwa, wara xahar mit-twelid, bil-ħlas ta’ ħames xwiekel tal-fidda daqs kemm jiswa xekel tas-santwarju, li jsarraf għoxrin gera. 17 Imma l-ewwel wild tal-baqar, tan-nagħaġ u tal-mogħoż tħallihomx jifduh, għax dawn huma sagri. Int ixxerred demmhom fuq l-artal, u taħraq xaħamhom bin-nar b’riħa tfuħ quddiem il-Mulej. 18 Laħamhom ikun tiegħek, is-sidra tat-tixjir u s-sieq tal-lemin ikunu tiegħek. 19 L-offerti tal-ħwejjeġ sagri li wlied Iżrael joffru lill-Mulej, nagħtihom lilek, u lil uliedek, subien u bniet, bi dritt għal dejjem. Dan hu patt għal dejjem, li ma jitħassarx bejnek u bejn il-Mulej u bejn uliedek ukoll.” Il-Mulej sehem Aron u l-Leviti 20 U l-Mulej qal lil Aron: “Int ma jkollok ebda wirt f’arthom u ma jkollok ebda sehem minnha f’nofshom. Jien sehmek u wirtek f’nofs ulied Iżrael. 21 “Lil ulied Levi tajthom b’wirt l-għexur kollha ta’ Iżrael, bi ħlas għax-xogħol li għandhom fis-servizz fit-tinda tal-laqgħa. 22 U hekk ulied Iżrael ma jersqux iżjed lejn it-tinda tal-laqgħa, li ma jaqgħux taħt il-piena tal-mewt. 23 Imiss lil-Leviti li jservu fit-tinda tal-laqgħa, u huma jkunu responsabbli għaliha; liġi għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom li għad jiġu; u ma jkollhom ebda wirt. 24 Għalhekk jien tajt lil ulied Levi d-dritt għall-għexur li joffru wlied Iżrael lill-Mulej; għalhekk għedtilhom: Ma jkollhomx wirt f’nofs ulied Iżrael.” 25 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 26 “Kellem lil-Leviti u għidilhom: Meta tirċievu l-għexur mingħand ulied Iżrael, li jien tajtkom id-dritt li tieħdu mingħandhom b’wirtkom, erfgħu minnu offerta lill-Mulej, l-għexur tal-għexur. 27 L-offerta tagħkom titqies bħallikieku kienet tal-qamħ ġej dritt mill-andar u bħall-għasir ġej dritt mill-magħsar. 28 Hekk tagħmlu intom ukoll l-offerta tagħkom lill-Mulej mill-għexur li tirċievu mingħand ulied Iżrael, u din l-offerta lill-Mulej tagħtuha lil Aron, il-qassis. 29 Minn kull ħaġa li joffrulkom, intom għandkom terfgħu offerta lill-Mulej, l-aħjar mill-aħjar tagħha, u tikkonsagrawha. 30 U għidilhom ukoll: Meta terfgħu l-aħjar tal-offerta, din titqisilkom bħallikieku ġejja dritt mill-andar jew mill-magħsar. 31 Tistgħu tikluha kullimkien, intom u nieskom, għax hi l-ħlas għas-servizz tagħkom fit-tinda tal-laqgħa. 32 Meta tagħtu l-aħjar tal-offerti li tirċievu, ma taqgħux fid-dnub, u ma tkasbrux l-offerti sagri ta’ wlied Iżrael, u ma tmutux.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society