NUMRI 17 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 17 1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Għid lil Elgħażar bin Aron, il-qassis, biex jieħu ċ-ċnieser minn ġon-nar, u jarmi n-nar li hemm fihom, għaliex huma kkonsagrati. 3 U ċ-ċnieser ta’ dawn in-nies li dinbu bi ħsara għalihom, intom tagħmluhom pjanċi tal-battut biex jiksu l-artal bihom, għax dawn kienu offerti lill-Mulej, u huma kkonsagrati, u hekk jibqgħu sinjal għal ulied Iżrael.” 4 U Elgħażar, il-qassis, ħa ċ-ċnieser tal-bronż li kienu offrew in-nies li nħarqu, u huma għamluhom pjanċi biex jiksu l-artal bihom, 5 u hekk ulied Iżrael jiftakru li ma għandu jersaq ebda profan, li mhux min-nisel ta’ Aron, biex jaħraq l-inċens quddiem il-Mulej, li ma jmurx jiġrilu bħal Koraħ u sħabu, bħalma ordna l-Mulej permezz ta’ Mosè. It-tixwixa tal-poplu 6 L-għada l-ġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael bdew igemgmu kontra Mosè u Aron u jgħidu: “Intom qtiltu l-poplu tal-Mulej.” 7 U l-ġemgħa kollha nġabret kontra Mosè u Aron, u dawn dawru wiċċhom lejn it-tinda tal-laqgħa, u minnufih ksietha s-sħaba u dehret il-glorja tal-Mulej. 8 U ġew Mosè u Aron quddiem it-tinda tal-laqgħa, 9 u l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 10 “Warrbu minn nofs din il-ġemgħa ħalli jien neqridhom f’salt wieħed.” U huma nxteħtu għal wiċċhom fl-art. 11 U Mosè qal lil Aron: “Aqbad iċ-ċensier, u poġġi fih in-nar mill-artal, ixħet l-inċens, u mur malajr lejn il-ġemgħa, u itlob maħfra għalihom, għaliex ħarġet il-qilla tal-Mulej, u beda l-flaġell.” 12 U Aron ħa ċ-ċensier bħalma qallu Mosè, mar f’nofs il-ġemgħa, u ra li l-flaġell kien diġà beda f’nofs il-poplu. Imbagħad xeħet l-inċens, u talab maħfra għall-poplu. 13 U hu waqaf bejn il-mejtin u l-ħajjin, sakemm intemm il-flaġell. 14 U ġara li l-mejtin b’dan il-flaġell laħqu l-erbatax-il elf u seba’ mija, minbarra dawk li kienu mietu qabel minħabba Koraħ. 15 U malli waqaf il-flaġell Aron raġa’ lura ħdejn Mosè, ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa. Il-ħatar ta’ Aron 16 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 17 “Kellem lil ulied Iżrael, u ħu ħatar minn kull dar, wieħed minn kull prinċep ta’ tribù, tnax-il wieħed b’kollox; u kull wieħed jikteb ismu fuqu. 18 Isem Aron tiktbu fuq il-ħatar ta’ Levi, għax ikollhom ħatar wieħed għal kull prinċep ta’ tribù. 19 U tqegħedhom fit-tinda tal-laqgħa quddiem ix-xhieda fejn jiena niltaqa’ magħkom. 20 U jiġri li l-ħatar tal-bniedem li jien naħtar, iwarrad, u hekk insikket it-tgemgim ta’ madwari, li wlied Iżrael qegħdin igemgmu kontra tagħkom.” 21 U Mosè kellem lil ulied Iżrael, u l-prinċpijiet tagħhom tawh ilkoll ħatar għal kull prinċep ta’ tribù, skont id-djar tagħhom, tnax-il ħatar b’kollox; u l-ħatar ta’ Aron kien f’nofshom. 22 U Mosè qiegħed l-oħtra quddiem il-Mulej fit-tinda tax-xhieda miktuba. 23 U ġara li l-għada Mosè daħal fit-tinda tal-laqgħa, u hemm hu l-ħatar ta’ Aron tat-tribù ta’ Levi kien ħareġ ir-rimi, fetaħ iż-żahar u għamel lewż misjur. 24 Mosè mbagħad ħareġ l-oħtra kollha minn quddiem il-Mulej, u ġiebhom quddiem ulied Iżrael, u rawhom, u kull wieħed ħa l-ħatar tiegħu. 25 U l-Mulej qal lil Mosè: “Erġa’ qiegħed il-ħatar ta’ Aron quddiem ix-xhieda miktuba biex iżżommu bħala sinjal għal dawk li jmieru, u hekk jieqaf it-tgemgim tagħhom kontra tiegħi u ma jmutux.” 26 U Mosè għamel kif ordnalu l-Mulej, u hekk għamel. 27 U wlied Iżrael qalu lil Mosè: “Aħna se mmutu, ninqerdu, u nintemmu lkoll. 28 Għax kull min jersaq lejn it-tinda tal-Mulej imut. Jaqaw għandna mmutu lkoll?” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society