NUMRI 16 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 16 Ir-rewwixta ta’ Koraħ 1 Koraħ bin Isħar, bin Keħat, bin Levi, u Datan u Abiram, ulied Elijab, u On bin Pelet, ulied Ruben, 2 qamu kontra Mosè u magħhom kellhom mitejn u ħamsin ruħ oħra minn ulied Iżrael, mill-prinċpijiet tal-ġemgħa, li kienu jissejħu għal-laqgħat, kollha nies magħrufa. 3 U nġabru kontra Mosè u Aron, u qalulhom: “Għandkom biżżejjed fuq spallejkom: Il-ġemgħa kollha huma kkonsagrati u f’nofshom hemm il-Mulej. Għaliex togħlew fuq il-ġemgħa tal-Mulej?” 4 Kif sama’ dan Mosè ntafa’ wiċċu fl-art, 5 u kellem lil Koraħ u ’l sħabu, u qalilhom: “Għada l-Mulej jgħarrafna min hu tiegħu, u min hu l-bniedem ikkonsagrat, li l-Mulej iridu ħdejh, u lil min ikun għażlu għalih iressqu lejh. 6 Dan għandkom tagħmlu, inti, Koraħ u sħabek ilkoll: ħudu ċ-ċnieser, 7 u għada poġġu n-nar fihom u fuqu itfgħu l-inċens quddiem il-Mulej; u l-bniedem li jagħżel il-Mulej, dak ikun l-ikkonsagrat. Qegħdin tippretendu ż-żejjed, ulied Levi!” 8 U Mosè qal ukoll lil Koraħ: “Isimgħuni wlied Levi: 9 Forsi kienet xi ħaġa żgħira għalikom li Alla ta’ Iżrael għażilkom mill-ġemgħa ta’ Iżrael, biex iressaqkom lejh biex isservu fit-tabernaklu tal-Mulej, u tkunu l-ministri tal-ġemgħa biex taqduha? 10 U għax ressaqkom lejh, lilek u miegħek lil ħutek, ulied Levi, l-oħra lkoll, issa qegħdin tfittxu wkoll is-saċerdozju? 11 Għalhekk int u l-klikka tiegħek għamiltu konfoffa kontra l-Mulej? U x’inhu Aron biex tgergru kontra tiegħu?” 12 U Mosè bagħat isejjaħ lil Datan u ’l Abiram, ulied Eljab, u wieġbu: “Ma nitilgħux. 13 Mhux biżżejjed tellajtna minn art tnixxi ħalib u għasel biex ġibtna mmutu f’dan id-deżert, trid issa wkoll taħkem fuqna? 14 Int ma ġibtniex f’art tnixxi ħalib u għasel, lanqas raba’ jew xi qasam dwieli li jkunu tagħna ma tajtna. Taħseb li se taqla’ għajnejn dawn in-nies? Aħna ma niġux.” 15 U Mosè inkorla bis-sħiħ u qal lill-Mulej: “Tagħtix kas tal-offerta tagħhom. Lanqas ħmar wieħed ma ħadt mingħandhom, u ma għamilt deni lil ħadd minnhom.” 16 U Mosè qal lil Koraħ: “Int u l-klikka tiegħek, ejjew għada quddiem il-Mulej ma’ Aron. 17 Ħudu ċensier, wieħed kull wieħed, poġġu l-inċens, u ressqu quddiem il-Mulej il-mitejn u ħamsin ċensier, wieħed wieħed, int u Aron, kulħadd biċ-ċensier tiegħu.” 18 U kull wieħed ħa ċ-ċensier tiegħu, poġġew in-nar fihom, u sawbu l-inċens, u qagħdu bilwieqfa quddiem it-tinda tal-laqgħa ma’ Mosè u Aron. 19 U warajhom Koraħ ġabar il-ġemgħa kollha fi dħul it-tinda tal-laqgħa; u dehret il-glorja tal-Mulej quddiem il-ġemgħa kollha. 20 U l-Mulej kellem lil Mosè u ’l Aron, u qalilhom: 21 “Warrbu minn nofs din il-ġemgħa, ħa neqridhom ilkoll f’salt wieħed.” 22 U ntefgħu għal wiċċhom fl-art u qalu: “Alla, Alla ta’ ruħ il-ħajjin kollha, bniedem wieħed biss dineb, u tagħdab int kontra l-ġemgħa kollha?” 23 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 24 “Kellem lill-ġemgħa u għidilhom: Warrbu minn madwar it-tined ta’ Koraħ, Datan u Abiram.” 25 Mosè qam u mar lejn Datan u Abiram; u warajh marru l-anzjani ta’ Iżrael. 26 Imbagħad kellem lill-ġemgħa u qalilhom: “Tbiegħdu mit-tined ta’ dawn in-nies ħżiena, u tmissu xejn minn tagħhom, biex ma tinbarmux fid-dnubiet tagħhom.” 27 U tbiegħdu minn madwar it-tined ta’ Koraħ, Datan u Abiram: u Datan u Abiram ħarġu u qagħdu bilwieqfa fil-bieb tat-tined tagħhom bin-nisa u t-tfal u t-trabi tagħhom. 28 U Mosè qal: “Issa minn dan tkunu tafu li l-Mulej bagħatni biex nagħmel kulma għamilt, u ma għamilt xejn minn rajja. 29 Jekk dawn imutu bħalma jmut kull bniedem, u jekk tmisshom ix-xorti li tmiss lil kull bniedem, ma jkunx bagħatni l-Mulej. 30 Imma jekk il-Mulej jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb, u tinfetaħ l-art u tiftaħ l-art fommha, u tibla’ lilhom u kulma għandhom, u jinżlu ħajjin f’qiegħ l-art, tkunu tafu li dawn in-nies ħaduha kontra l-Mulej.” 31 U ġara li kif temm jgħid dan il-kliem 32 inqasmet l-art taħthom, fetħet fommha, u belgħet lilhom u l-familji tagħhom u n-nies kollha li kienu ma’ Koraħ b’ġidhom b’kollox. 33 U niżlu ħajjin huma u kulma kellhom f’qiegħ l-art, ingħalqet l-art fuqhom, u nqerdu minn nofs il-ġemgħa. 34 U l-Iżraelin kollha li kienu madwarhom mal-għajta tagħhom ħarbu għax qalu: “Li ma tmurx tiblagħna l-art magħhom.” 35 U ħareġ nar mingħand il-Mulej u qered il-mitejn u ħamsin raġel li kienu offrew l-inċens. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society