Online Bible

- Reklamy -

NUMRI 15 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 15 L-offerti u s-sagrifiċċji

1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

2 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta tidħlu fl-art li se nagħtikom biex toqogħdu fiha,

3 intom tagħmlu offerti bil-ħruq quddiem il-Mulej; sagrifiċċju tal-ħruq, jew sagrifiċċju b’wegħda jew xi offerta minn rajkom jew fil-festi tagħkom; meta toffru sagrifiċċju, b’riħa tfuħ, mill-baqar jew min-nagħaġ,

4 min iressaq l-offerta quddiem il-Mulej għandu joffri l-għaxar waħda ta’ efa smid imħallat bi kwart ta’ ħinn żejt.

5 Meta toffri sagrifiċċju tal-ħruq jew sagrifiċċju ieħor iżżid kwart ta’ ħinn inbid għal-libazzjoni ma’ kull ħaruf;

6 u ma’ kull muntun toffri tnejn minn għaxra ta’ smid imħallat ma’ waħda minn tlieta ta’ ħinn żejt;

7 u żżid waħda minn tlieta ta’ ħinn inbid għal-libazzjoni. Hekk toffri riħa li tgħaxxaq quddiem il-Mulej.

8 “Meta toffri xi għoġol għas-sagrifiċċju tal-ħruq, jew sagrifiċċju ieħor b’wegħda, jew sagrifiċċju tas-sliem lill-Mulej,

9 mal-għoġol tagħmel offerta ta’ tlieta minn għaxra ta’ efa ta’ smid imħallat b’nofs ħinn żejt,

10 u magħha toffri wkoll nofs ħinn inbid għal-libazzjoni. Dan hu sagrifiċċju tal-ħruq b’riħa li tgħaxxaq lill-Mulej.

11 “Hekk għandkom tagħmlu għal kull gendus, għal kull muntun, għal kull ħaruf, u għal kull gidi.

12 Ikunu kemm ikunu l-vittmi li toffru, hekk għandkom tagħmlu ma’ kull waħda minnhom.

13 Hekk għandu jagħmel kull min hu mill-pajjiż kull meta joffri xi sagrifiċċju b’riħa li tgħaxxaq lill-Mulej.

14 Il-barrani li jkun jgħammar f’nofskom jew xi ħaddieħor li jkun qiegħed f’nofskom matul iż-żminijiet, u jkun irid joffri sagrifiċċju tal-ħruq b’riħa li tgħaxxaq lill-Mulej, għandu jagħmel kif tagħmlu intom.

15 “Liġi waħda għall-ġemgħa kollha tagħkom u għall-barrani; liġi għal dejjem għall-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom, sew għalikom sew għall-barrani, li jkun fostkom quddiem il-Mulej.

16 Liġi waħda u preċett wieħed għalikom u l-barrani li jkun jgħammar f’nofskom.”

17 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

18 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom: Meta tidħlu fl-art li jien se ndaħħalkom fiha

19 u tieklu minn ħobż l-art, terfgħu offerta lill-Mulej.

20 Mill-ewwel tal-għaġna tagħkom terfgħu ftira, meta terfgħu l-offerta mill-andar.

21 Mill-ewwel tal-għaġna tagħkom terfgħu u toffru lill-Mulej fil-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom.


Offerta għad-dnub b’aljenazzjoni

22 “U jekk bla ma tridu ma tħarsux dawn il-liġijiet li l-Mulej ordna lil Mosè -

23 kulma ordnalkom il-Mulej permezz ta’ Mosè - minn dakinhar li kkmandakom il-Mulej u l-ġenerazzjonijiet kollha tagħkom,

24 jekk il-ġemgħa tkun naqset bla ma riedet, toffri l-miġemgħa kollha għoġol b’sagrifiċċju tal-ħruq b’riħa li togħġob lill-Mulej, b’offerta u l-libazzjoni tiegħu skont ir-rit, u bodbod b’sagrifiċċju tal-purifikazzjoni.

25 U l-qassis jitlob maħfra għall-miġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael, u jkollhom il-maħfra, għax dinbu bla ma riedu, u huma ressqu l-offerta tagħhom tal-ħruq quddiem il-Mulej, u sagrifiċċju tal-purifikazzjoni quddiem il-Mulej biex ipattu għall-aljenazzjoni tagħhom.

26 U hekk taqla’ l-maħfra l-miġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael, u l-barrani, li jista’ jkun hemm f’nofsha, għax kienet aljenazzjoni tal-poplu kollu.

27 “Jekk wieħed biss ikun naqas bla ma ried, dan għandu joffri mogħża ta’ sena għall-purifikazzjoni.

28 U l-qassis jitlob il-maħfra għal min ikun dineb bla ma ried quddiem il-Mulej, biex jaqla’ l-maħfra, u hekk tinħafirlu l-ħtija.

29 Liġi waħda jkollkom għal min jidneb bla ma jintebaħ, sew jekk ikun mill-pajjiż minn fost ulied Iżrael, sew jekk ikun barrani f’nofskom.

30 “Imma jekk xi ħadd mill-pajjiż, jew barrani, jagħmel xi ħaġa apposta b’wiċċu minn quddiem, dan jinqata’ minn fost niesu, għax ikun żeblaħ lill-Mulej.

31 Għax ikun maqdar il-kelma tal-Mulej u kiser il-liġi tiegħu, dan il-bniedem ikun imwarrab; u l-ħtija tkun tiegħu.”


Ksur il-liġi tas-Sibt

32 Ġara li kienu wlied Iżrael fid-deżert, u sabu raġel li kien qiegħed jiġbor il-ħatab f’jum is-Sibt.

33 U dawk li sabuh jiġbor il-ħatab ġibuh quddiem Mosè u Aron u l-ġemgħa kollha.

34 U qegħdulu l-għassa miegħu, għax kienu għadhom ma qatgħuhiex x’se jagħmlu bih.

35 U l-Mulej qal lil Mosè: “Dan ir-raġel jagħtuh il-mewt; tħaġġru l-ġemgħa kollha barra l-kamp.”

36 U ħarġuh barra l-kamp u l-ġemgħa kollha ħaġġritu u miet, kif ordna l-Mulej lil Mosè.


Il-ġmiemen

37 U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

38 “Kellem lil ulied Iżrael u għidilhom li mil-lum ’il quddiem idendlu ġmiemen fi truf l-imnatar tagħhom, u jdendluhom mal-ponot tal-mantar b’qafla kaħla.

39 U dawn il-ġmiemen iservu biex malli tarawhom tiftakru fil-liġijiet kollha tal-Mulej, u tħarsuhom, u ma tintilfux wara qlubkom, u għajnejkom ma jiġbdukomx għaż-żina.

40 Hekk tiftakru u tagħmlu l-kmandamenti u tkunu mqaddsin għal Alla tagħkom.

41 “Jiena l-Mulej, Alla tagħkom, li ħriġtkom mill-art tal-Eġittu biex inkun Alla tagħkom. Jiena l-Mulej Alla tagħkom.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy