Online Bible

- Reklamy -

NUMRI 14 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 14 Ir-rewwixta

1 U l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael refgħet leħinha u nfexxet tgħajjat; u l-poplu għadda dak il-lejl jibki.

2 L-Iżraelin kollha gemgmu kontra Mosè u Aron, u l-miġemgħa kollha qaltilhom: “Mhux li mitna fl-art tal-Eġittu! Jew f’dan id-deżert!

3 Għalfejn se jdaħħalna l-Mulej f’dan il-pajjiż, biex ninqerdu bix-xabla? In-nisa tagħna u wliedna se jeħduhomlna bi priża. Ma jkunx aħjar għalina li nerġgħu lura lejn l-Eġittu?”

4 U qalu lil xulxin: “Nagħżlu mexxej, u nerġgħu lura lejn l-Eġittu!”

5 Imbagħad Mosè u Aron intefgħu wiċċhom fl-art quddiem il-miġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael.

6 U Ġożwè bin Nun, u Kaleb bin Ġefunni, li kienu fost dawk li marru jitkixxfu l-pajjiż, ċarrtu ħwejjiġhom,

7 u kellmu lill-miġemgħa kollha ta’ wlied Iżrael u qalulhom:

8 “Il-pajjiż, li aħna morna nitkixxfuh, hu art tajba bil-bosta. Jekk jiffavorina l-Mulej żgur li jdaħħalna f’din l-art, u jagħtihielna: hi art li tnixxi ħalib u għasel.

9 Biss la teħduhiex kontra l-Mulej, u la tibżgħux mill-poplu tal-pajjiż, għax bħall-ħobż nikluhom, ħilithom tħallihom. Il-Mulej magħna, la tibżgħux minnhom.”


Il-korla tal-Mulej

10 Imma l-ġemgħa kollha wieġbet billi riedet tħaġġarhom. Iżda l-glorja tal-Mulej dehret fuq it-tinda tal-laqgħa quddiem ulied Iżrael kollha.

11 U l-Mulej qal lil Mosè: “Kemm se jdum jeħodha kontra tiegħi dan il-poplu! Kemm se jdumu ma jafdawx fija, minkejja s-sinjali li għamilt f’nofshom?

12 Nidrobhom bil-pesta; noħroġhom mill-wirt, u nagħmel minnek ġens kbir u b’saħħtu aktar minnhom.”

13 U Mosè qal lill-Mulej: “Jekk jisimgħu b’dan l-Eġizzjani, xi jgħidu wara li int ħriġt lil dan il-poplu bil-qawwa tiegħek minn ġo nofshom?

14 U n-nies ukoll, li jgħammru f’din l-art, semgħu li inti qiegħed f’nofs dan il-poplu, li jarak wiċċ imb wiċċ u li s-sħaba tiegħek qiegħda fuqu, u li inti timxi quddiemu f’kolonna ta’ sħab binhar u f’kolonna tan-nar billejl.

15 Jekk int toqtolhom f’daqqa bħal bniedem wieħed, il-ġnus li semgħu b’aħbarek jgħidu:

16 ‘Il-Mulej ma għandux ħila jwassal lil dan il-poplu fl-art li wegħedhom, u għalhekk qeridhom fid-deżert.’

17 U issa, Sidi, ħa jidher il-kobor tal-qawwa tiegħek bħalma tkellimt u għedt:

18 ‘Il-Mulej tqil biex jinkorla, u kbir fit-tjieba; jaħfer il-ħażen u d-dnub, għalkemm ma jħallihx bla kastig, u jikkastiga dnub il-missirijiet f’uliedhom sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni.’

19 Aħfer, mela, nitolbok, il-ħażen ta’ dan il-poplu, skont il-kobor tat-tjieba tiegħek, bħalma ssaportejtu mill-Eġittu sa hawn.”


Il-kastig

20 Il-Mulej wieġbu: “Jien naħfer skont kliemek.

21 Imma daqs kemm hu minnu li jien ħaj u l-art timtela bil-glorja tal-Mulej,

22 daqshekk ieħor in-nies kollha li raw il-glorja tiegħi u s-sinjali li għamilt fl-Eġittu u d-deżert, u li għaxar darbiet ġarrbuni u ma semgħux kliemi,

23 ħadd minn dawk kollha li ħaduha kontra tiegħi ma jara l-art li jien wegħedt lil missirijiethom;

24 imma l-qaddej tiegħi Kaleb, li kellu spirtu ieħor fih minn dak tal-poplu tiegħu, u mexa għalkollox warajja, inwasslu fl-art li mar fiha u jiritha n-nisel tiegħu.

25 Ħalli jibqgħu jgħammru fil-wied l-Għamalekin u l-Kangħanin; imma għada intom dawru wiċċkom u erġgħu lura lejn id-deżert mit-triq tal-Baħar tal-Qasab.”

26 U l-Mulej kellem lil Mosè u lil Aron u qalilhom:

27 “Kemm se ddum din il-ġemgħa ħażina tgemgem kontrija? Jien smajt it-tgemgim ta’ wlied Iżrael kontra tiegħi.

28 Għidilhom: ‘Daqs kemm jien ħaj - l-oraklu tal-Mulej - nagħmlilkom kif għedtuli f’widnejja.

29 F’dan id-deżert jaqgħu l-katavri tagħkom, intom ilkoll li kontu magħdudin minn għoxrin sena ’l fuq, li gemgimtu kontra tiegħi.

30 Ma tidħlux fl-art li jien erfajt idi u ħlift li nserraħkom fiha, ħlief Kaleb bin Ġefunni u Ġożwè bin Nun.

31 U t-tfal iż-żgħar tagħkom, li intom ħsibtu li se jeħodhomlkom ħaddieħor bi priża, indaħħalhom fl-art li intom stmellejtuha, u jgawduha huma.

32 U l-iġsma tagħkom jaqgħu mejta f’dan id-deżert.

33 U wliedkom jibqgħu jiġġerrew fid-deżert għal erbgħin sena, u jħallsu l-ħtija tal-infedeltà tagħkom sakemm jintemmu l-katavri tagħkom fid-deżert.

34 Iġġorru fuq spallejkom il-kastig ta’ ħtijietkom għal erbgħin sena, sena għal kull jum li domtu titkixxfu l-art. Hekk tkunu tafu li stmellejtkom.

35 Jiena, il-Mulej, tkellimt: hekk nagħmel lil din iċ-ċorma nies ħżiena li ftiehmu kontra tiegħi. Jintemmu fid-deżert, u hemm imutu.”

36 U l-irġiel li Mosè kien bagħat jitkixxfu l-art, u meta reġgħu lura xewwxu l-ġemgħa kollha kontrih billi xerrdu xniegħa kontra din l-art,

37 dawn l-irġiel li ħarġu x-xniegħa ħażina fuq l-art, mietu midruba quddiem il-Mulej.

38 Minn fost in-nies li marru jitkixxfu l-art baqgħu ħajjin biss Ġożwè bin Nun u Kaleb bin Ġefunni.


It-telfa ta’ Iżrael

39 Mosè għarraf b’dan kollu lil ulied Iżrael, u l-poplu għela għall-aħħar.

40 U qamu filgħodu kmieni, u telgħu fuq il-quċċata tal-muntanja, u bdew jgħidu: “Hawn aħna, dnibna; nitilgħu lejn il-post li l-Mulej qalilna.”

41 U Mosè qalilhom: “Għala se tiksru l-ordni tal-Mulej? Xejn ma jiswielkom.

42 Titilgħux, għaliex il-Mulej mhux f’nofskom, li ma jmorrux jegħlbukom l-għedewwa tagħkom.

43 Għaliex hemm l-Għamalekin u l-Kangħanin kontra tagħkom, u jeqirdukom bix-xabla għax intom erġajtu lura mill-Mulej, u issa l-Mulej mhux magħkom.”

44 Iżda huma webbsu rashom u baqgħu telgħin fuq il-muntanja; imma l-arka tal-patt tal-Mulej u Mosè ma ċċaqilqux mill-kamp.

45 U niżlu l-Għamalekin u l-Kangħanin li kienu joqogħdu fuq il-muntanja, darbuhom u farrkuhom sa Ħorma.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy