NUMRI 13 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 13 L-ispiji f’art Kangħan 1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 2 “Ibgħat xi rġiel jitkixxfu l-art ta’ Kangħan li jien se nagħti lil ulied Iżrael. Ibgħat wieħed minn kull tribù ta’ missirijiethom. Ilkoll mill-kapijiet fosthom.” 3 U Mosè bagħathom mid-deżert ta’ Faran, skont ma qallu l-Mulej, kollha nies li kienu kapijiet ta’ wlied Iżrael. 4 Dawn kienu ismijiethom: Sammugħha bin Żakkur mit-tribù ta’ Ruben; 5 Safat bin Ħori mit-tribù ta’ Simgħon; 6 Kaleb bin Ġefunni mit-tribù ta’ Ġuda: 7 Igal bin Ġużeppi mit-tribù ta’ Issakar; 8 Ħosegħa bin Nun mit-tribù ta’ Efrajm; 9 Palti bin Rafu mit-tribù ta’ Benjamin; 10 Gaddijel bin Sudi mit-tribù ta’ Żebulun; 11 Gaddi bin Susi mit-tribù ta’ Manassi minn nisel Ġużeppi; 12 Għammijel bin Gemalli mit-tribù ta’ Dan; 13 Settur bin Mikiel mit-tribù ta’ Aser; 14 Naħbi bin Vofsi mit-tribù ta’ Naftali; 15 Gewel bin Maki mit-tribù ta’ Gad. 16 Dawn huma l-ismijiet ta’ dawk li Mosè bagħat jitkixxfu l-art; u lil Ħosegħa bin Nun, Mosè semmieh Ġożwè. 17 Mosè bagħathom jitkixxfu l-art ta’ Kangħan u qalilhom: “Itilgħu min-Negeb, u itilgħu qalb l-għoljiet. 18 Araw l-art x’inhi u n-nies li jgħammru fiha; jekk humiex f’saħħithom jew dgħajfa; jekk humiex ftit jew ħafna; 19 jekk l-art li jgħammru hijiex art tajba jew ħażina; u liema huma l-ibliet li jgħixu fihom; humiex miftuħa jew magħluqa bis-swar; 20 jekk l-art hijiex għammiela jew ħawlija; fihiex siġar jew le. Agħmlu l-ħila u ħudu mill-frott tal-art.” Kien żmien il-bikri tal-għeneb. 21 U telgħu u tkixxfu l-art, mid-deżert ta’ Sin sa Reħob, in-naħa tad-daħla ta’ Ħamat. 22 Telgħu min-Negeb u waslu sa Ħebron, fejn kienu Aħiman, Sesaj, Talmaj, ulied Għanak. Ħebron kienet inbniet seba’ snin qabel Sogħan fl-Eġittu. 23 Meta waslu fil-wied ta’ Eskol, qatgħu minn hemm fergħa b’għanqud għeneb, u refgħuh fuq lasta bejn tnejn; qatgħu wkoll ir-rummien u t-tin. 24 U l-post sejħulu Naħal-eskol, b’tifkira tal-għanqud li qatgħu minn hemm ulied Iżrael. 25 Reġgħu lura mit-tkixxif tal-art wara erbgħin jum. 26 Malli waslu marru għand Mosè u Aron u l-ġemgħa kollha ta’ Iżrael fid-deżert ta’ Faran f’Kades. U qalulhom b’kollox, lilhom u lill-ġemgħa kollha ta’ Iżrael, u wrewhom il-frott tal-art. 27 Irrakkuntawlu kulma raw, u qalu: “Morna fl-art li intom bgħattuna nitkixxfu, u tassew tnixxi ħalib u għasel; u dan hu l-frott tagħha; 28 iżda n-nies li joqogħdu fiha huma nies ta’ saħħa, u l-ibliet magħluqa bis-swar u kbar ħafna. Hemm rajna ’l ulied Għanak; 29 l-Għamalekin li jgħammru fin-Negeb; il-Ħittin, il-Ġebusin, l-Amurrin li jgħammru fuq l-għoljiet; u l-Kangħanin li jgħammru n-naħa tal-baħar u max-xtut tal-Ġordan.” 30 Kaleb sikket il-poplu quddiem Mosè u qalilhom: “Infittxu nitilgħu, u neħduha f’idejna. Nistgħu nirbħuha għax nifilħu għaliha.” 31 U l-irġiel li telgħu miegħu qalu: “Ma nistgħux naħbtu għal poplu jiflaħ aktar minna.” 32 U xerrdu xniegħa ħażina fuq l-art li marru jitkixxfu lil ulied Iżrael, u qalulhom: “L-art, li dħalna fiha biex nitkixxfuha, tibla’ lil kull min imur jgħammar fiha, u l-popli kollha li rajna f’nofsha huma razza ta’ nies twal. 33 Hemm rajna l-ġganti (ulied Għanak ġejjin mill-ġganti) u ħassejna ruħna bħal ġradijiet u hekk deherna aħna f’għajnejhom.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society