NUMRI 12 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 12 Mirjam u Aron kontra Mosè 1 Mirjam u Aron gergru kontra Mosè minħabba l-mara minn Kus, għax kien ħa b’martu waħda minn Kus. 2 U huma qalu: “Jaqaw il-Mulej lil Mosè biss kellem? Ma kellimx lilna wkoll?” U l-Mulej semagħhom. 3 Mosè kien bniedem umli, l-aktar umli fost il-bnedmin li hawn fuq wiċċ l-art. 4 U l-Mulej minnufih qal lil Mosè, lil Aron u lil Mirjam: “Oħorġu t-tlieta li intom lejn it-tinda tal-laqgħa.” U ħarġu t-tlieta li kienu. 5 U niżel il-Mulej fil-kolonna tas-sħab, u qagħad fil-bieb tat-tinda u sejjaħ lil Aron u lil Mirjam, u resqu t-tnejn, 6 u qalilhom: “Isimgħu kliemi: Jekk xi ħadd minnkom ikun profeta, Jiena l-Mulej nidhirlu f’viżjoni, u nkellmu fil-ħolm. 7 Mhux hekk ma’ Mosè il-qaddej tiegħi, il-bniedem li fdajtlu dari. 8 Jien inkellmu wiċċ imb wiċċ; inkellmu mhux bix-xbihat imma bid-dieher; u jara s-sura tal-Mulej. Kif, mela, ma bżajtux titkellmu kontra Mosè, il-qaddej tiegħi?” 9 U l-Mulej xegħel bil-qilla għalihom, u telaq. 10 Kienet għadha anqas biss telgħet is-sħaba minn fuq it-tinda, meta Mirjam inksiet bil-ġdiem, bajda bħas-silġ; Aron ħares lejn Mirjam, u raha kollha ġdiem. U Aron qal lil Mosè: 11 “Nitolbok, ja sidi, la tħalliniex nitgħabbew bil-piż tad-dnub, li aħna tbellahna biex għamilna. 12 Tħallihiex qisha xi ħaġa mwielda mejta minn ġuf ommha, b’ġisimha nofsu mittiekel.” 13 U Mosè għajjat quddiem il-Mulej u qal: “O Alla nitolbok, fejjaqha.” 14 U l-Mulej wieġeb lil Mosè: “Li kieku missierha beżqilha f’wiċċha, ma kinetx tibqa’ mriegħxa bil-mistħija għal sebat ijiem? Mela ħalli tingħalaq għal sebat ijiem barra l-kamp, imbagħad terġgħu tilqgħuha f’nofskom.” 15 Għalhekk Mirjam ingħalqet barra l-kamp għal sebat ijiem, u l-poplu ma ċċaqlaqx qabel ma reġgħet inġiebet lura. 16 Imbagħad il-poplu telaq minn Ħaserot u waqqfu l-kamp fid-deżert ta’ Faran. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society