Online Bible

- Reklamy -

NUMRI 11 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 11 It-tgemgim tal-poplu

1 Ġara li l-poplu beda jgemgem u jsemma’ l-ilmenti tiegħu lill-Mulej. U l-Mulej semagħhom, u xegħel bil-qilla, u bagħtilhom in-nar, u ħarqilhom it-truf tal-kamp.

2 U l-poplu għajjat lil Mosè, u dan talab għalihom lill-Mulej, u n-nar intefa.

3 U dak il-post semmewh Tabgħera għax qabad ġo nofshom nar il-Mulej.


Il-manna

4 U dik il-qabda nies li kienet magħhom kienet mikluba għall-ikel, u wlied Iżrael ukoll bdew jibku u jgħidu: “Min se jitmagħna l-laħam?

5 Niftakru l-ħut li konna nieklu fl-Eġittu b’xejn; il-ħjar, il-bettieħ, il-kurrat, il-basal, u t-tewm.

6 U issa bil-ġuħ; għajnejna ma jarawx ħlief il-manna.”

7 U l-manna kienet tixbah iż-żerriegħa tal-kożbor, u lewn ir-raża.

8 Il-poplu kien jixtered jiġborha, u jlaqqtuha, u mbagħad jitħnuha bil-mitħna, jew jisħquha fil-mehrież. Kienu jsajruha fil-borma u jagħmluha ftajjar; u t-togħma tagħha kienet bħal tal-għaġina maħduma biż-żejt.

9 U meta billejl kienet taqa’ n-nida fuq il-kamp, kienet taqa’ magħha l-manna wkoll.

10 Mosè sama’ l-poplu jibki, familja familja, kulħadd f’bieb it-tinda tiegħu. Il-Mulej xegħel b’qilla kbira, u Mosè inkwieta.

11 U Mosè staqsa lill-Mulej: “Għala inkwetajt il-qaddej tiegħek? Jaqaw ma sibtx grazzja quddiemek, biex għabbejtni bil-piż ta’ dan il-poplu?

12 Forsi jien ġibt f’ġufi dan il-poplu kollu? Forsi wellidtu jien biex tgħidli: Ġorru fi ħdanek bħalma l-imraddgħa ġġorr tarbija fi ħdanha, sakemm twasslu fl-art li int ħlift li tagħtiha lil missirijiethom?

13 Mnejn se nġib jien il-laħam biex nagħtih lill-poplu kollu, li qegħdin jibkuli u jgħiduli: ‘Agħtina laħam x’nieklu.’

14 Ma niflaħx jien waħdi l-piż ta’ dan il-poplu kollu; tqil wisq għalija!

15 Jekk int se timxi hekk miegħi, oqtolni, jekk sibt grazzja quddiemek, u ma narax id-deni tiegħi.”

16 U l-Mulej qal lil Mosè: “Iġborli sebgħin mill-anzjani ta’ Iżrael li int taf li huma xjuħ u għandhom il-ħila li jiggvernaw, u laqqagħhom fit-tinda tal-laqgħa, u hemm joqogħdu miegħek.

17 U jien ninżel u nitkellem miegħek hemmhekk, u nieħu mill-ispirtu li hemm fik, u nqiegħdu fihom, u huma jaqsmu miegħek il-piż ta’ dan il-poplu, u ma terfgħux int waħdek.

18 “Imbagħad tgħid lill-poplu: Tqaddsu għall-għada, u intom tieklu l-laħam, għaliex il-biki tagħkom wasal f’widnejn il-Mulej meta intom għedtu: Min se jitmagħna l-laħam? Kemm konna sewwa fl-Eġittu! Il-Mulej se jagħtikom laħam x’tieklu.

19 Ma jkollkomx x’tieklu għal jum wieħed, anqas għal jumejn, anqas għal ħamsa, anqas għal għaxra, u anqas għal għoxrin biss,

20 imma għal xahar sħiħ, sakemm joħroġ minn imnifsejkom u jdardarkom, għax stmellejtu lill-Mulej li qiegħed f’nofskom, u bkejtu quddiemu u għedtu: ‘Għalfejn ħariġna mill-Eġittu?’ ”

21 U Mosè wieġeb: “Sitt mitt elf raġel fih dan il-poplu li jien ġo nofsu! U inti tgħidli, ‘Agħtihom jieklu l-laħam għal xahar sħiħ!’

22 Se jkun biżżejjed għalihom jekk noqtlu n-nagħaġ u l-baqar? Jekk niġbru l-ħut kollu tal-baħar ikun biżżejjed?”

23 U l-Mulej wieġeb lil Mosè: “Jaqaw ma tlaħħaqx id il-Mulej; issa tara jekk isseħħlekx il-kelma tiegħi.”

24 U Mosè ħareġ, u kellem lill-poplu u qalilhom kliem il-Mulej, u ġabar is-sebgħin raġel mill-anzjani tal-poplu u qegħedhom madwar it-tinda.

25 Il-Mulej niżel fi sħaba jkellem lil Mosè, u ħa mill-ispirtu li kellu fih, u tah lis-sebgħin xiħ; u ġara li, hekk kif l-ispirtu qagħad fuqhom, bdew jipprofetizzaw, imma ma ssuktawx.

26 Issa fil-kamp kien baqa’ żewġt irġiel, wieħed jismu Eldad u l-ieħor Medad, u fuqhom ukoll niżel l-ispirtu. Hekk dawn ġew magħduda mal-magħżulin għax, għalkemm ma marrux fit-tinda, bdew jipprofetizzaw fil-kamp.

27 Dlonk mar wieħed żagħżugħ jgħarraf b’dan lil Mosè, u qallu: “Eldad u Medad qegħdin jipprofetizzaw fil-kamp.”

28 U Ġożwè bin Nun, li minn ċkunitu kien qaddej ta’ Mosè, qabad u qal: “Sidi Mosè, tħallihomx aktar.”

29 Iżda Mosè wieġbu: “Jaqaw qiegħed tgħir minħabba fija? Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!”

30 Imbagħad Mosè nġabar fil-kamp, hu u x-xjuħ ta’ Iżrael.

31 U l-Mulej qajjem riħ, li ġarr quddiemu s-summien mill-baħar lejn il-kamp u xerridhom mal-kamp fuq medda ta’ jum mixi minn naħa u medda ta’ jum mixi min-naħa l-oħra, dawramejt, f’għoli ta’ dirgħajn minn fuq wiċċ l-art.

32 U l-poplu għadda l-jum sħiħ u l-lejl kollu u l-għada kollu jiġbor is-summien, u l-inqas li wieħed ġabar kien għaxart igzuz. Imbagħad ferrxuhom madwar il-kamp.

33 Kien għad għandhom il-laħam bejn snienhom, u anqas kienu għadhom kiluh, meta l-Mulej inkorla għall-poplu u laqtu b’qerda kbira.

34 U semmew dak il-post: Kibrotħattawa, għaliex hemm difnu ’l dawk li mietu bil-klubija li kellhom għall-ikel.

35 Imbagħad il-poplu telaq minn Kibrotħattawa għal Ħaserot u waqaf hemm.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy