Online Bible

- Reklamy -

NUMRI 10 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 10 It-trombi tal-fidda

1 Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu:

2 “Agħmel żewġ trombi tal-fidda, tagħmilhom tal-metall battut, bihom issejjaħ il-ġemgħa, u biex jerfgħu l-kamp.

3 Meta ddoqquhom it-tnejn, tinġema’ quddiemek il-ġemgħa kollha ħdejn il-bieb tat-tinda tal-laqgħa;

4 u meta ddoqqu b’waħda jinġemgħu ħdejk il-prinċpijiet, il-kapijiet tal-eluf ta’ Iżrael.

5 Meta ddoqquhom u jżarżru, jerfgħu l-kamp dawk tan-naħa tal-Lvant;

6 meta ddoqquhom għat-tieni darba jerfgħu l-kamp dawk tan-naħa tan-Nofsinhar. Mela d-daqq biż-żarżir ikun sinjal biex titilqu,

7 u d-daqq bla żarżir biex tlaqqgħu l-ġemgħa.

8 “Idoqqu t-trombi wlied Aron, il-qassisin, u din tkun għalikom liġi għal dejjem minn nisel għal nisel.

9 Meta toħorġu għall-gwerra f’pajjiżkom kontra l-għadu li jaħbat għalikom, iddoqqu t-trombi biż-żarżir, u l-Mulej, Alla tagħkom, jiftakar fikom, u jeħliskom mill-għedewwa tagħkom.

10 U fil-jiem tal-ferħ u l-laqgħat tagħkom, fil-festi tal-ewwel tax-xahar, iddoqqu t-trombi intom u toffru s-sagrifiċċji tal-ħruq tagħkom, u toffru s-sagrifiċċji tas-sliem, u Alla tagħkom jiftakar fikom. Jiena l-Mulej, Alla tagħkom.”


It-tluq mis-Sinaj

11 Fit-tieni sena, fit-tieni xahar, fl-għoxrin tax-xahar, is-sħaba għoliet minn fuq it-tinda tax-xhieda miktuba.

12 Ulied Iżrael telqu għal triqthom mid-deżert tas-Sinaj, u s-sħaba waqfet fid-deżert ta’ Faran.

13 Bdew jitilqu skont ma qalilhom il-Mulej permezz ta’ Mosè.

14 L-ewwel ma refgħu l-istendard kienu wlied Ġuda bil-qtajja’ tagħhom. Il-kap tal-qatgħa tagħhom kien Naħson bin Għamminadab;

15 fuq il-qatgħa ta’ wlied Issakar kien hemm Natanjel bin Sugħar;

16 fuq il-qatgħa tat-tribù ta’ Żebulun kien hemm Elijab bin Ħelon.

17 U żarmaw it-tabernaklu, refgħuh u telqu bih ulied Gersun u wlied Merari.

18 Telaq imbagħad l-istendard tal-kamp ta’ Ruben, skont il-qtajja’ tagħhom, u kien hemm kap tal-qatgħa tagħhom Elisur bin Sedewr.

19 U fuq it-tribù ta’ wlied Simgħon kien hemm Salamjel bin Surisaddaj.

20 U fuq il-qatgħa tat-tribù ta’ wlied Gad kien hemm Eljasaf bin Degħwel.

21 Warajhom telqu l-Keħatin iġorru t-tagħmir imqaddes, b’mod li sa ma jaslu l-oħrajn ikunu waqqfu t-tabernaklu.

22 Imbagħad refgħu l-istendard ulied Efrajm skont il-qtajja’ tagħhom; u fuq il-qatgħa tagħhom kien hemm Elisama bin Għammiħud.

23 U fuq it-tribù ta’ wlied Manassi kien hemm Gamaljel bin Pedaħsur.

24 U fuq il-qatgħa tat-tribù ta’ Benjamin kien hemm Abidan bin Gidegħoni.

25 Imbagħad wara l-kampjiet kollha mexa l-istendard tal-kamp ta’ wlied Dan bil-qtajja’ kollha tagħhom, u fuq il-qatgħa tagħhom kien hemm Aħigħeżer bin Għammisaddaj.

26 Fuq il-qatgħa tat-tribù ta’ wlied Aser kien hemm Paggħijel bin Għokran.

27 U fuq il-qatgħa tat-tribù ta’ wlied Naftali kien hemm Aħira bin Għenan.

28 U mxew ulied Iżrael skont dan it-taqsim bil-qtajja’ kollha tagħhom.

29 U Mosè kellem lil Ħobab bin Regħwel, ħatnu l-Midjanita, u qallu: “Aħna se nitilqu lejn il-post li l-Mulej qalilna: ‘Nagħtihulkom’. Ejja magħna u aħna nagħmlulek il-ġid għax il-Mulej wiegħed ir-risq lil Iżrael.”

30 U wieġeb: “Le, ma niġix, iżda mmur lejn pajjiżi u art twelidi.”

31 U Mosè qallu: “La titlaqniex, għax inti taf fejn nistgħu nieqfu fid-deżert, u tkun għalina ta’ gwida.

32 U jekk tiġi magħna, aħna naqsmu miegħek il-ġid kollu li l-Mulej jagħmel magħna.”

33 Imbagħad telqu minn ħdejn il-muntanja tal-Mulej, u damu miexja tlitt ijiem, u l-arka tal-patt tal-Mulej telqet tlitt ijiem mixi qabilhom biex issibilhom post għall-kamp.

34 U s-sħaba tal-Mulej kienet fuqhom binhar kull meta kienu jitilqu mill-kamp.

35 Kull meta kienet tiċċaqlaq l-arka Mosè kien jgħid: “Qum, Jaħweh, u jixterdu l-għedewwa tiegħek! u jaħirbu minn quddiemek dawk li jobogħduk!”

36 U meta kienet tieqaf: “Strieħ, Mulej, fost l-eluf u l-eluf ta’ Iżrael.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy