MIKEA 6 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 6 Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu 1 Isimgħu, mela, dan li jgħid il-Mulej! Qum, iddefendi ruħek quddiem il-muntanji, ħalli l-għoljiet jisimgħu leħnek! 2 Isimgħu, muntanji, it-tilwima tal-Mulej, iftħu widnejkom, sisien l-art, għax din hi tilwima tal-Mulej mal-poplu tiegħu, ma’ Iżrael għandu xi jgħid: 3 “X’għamiltlek jiena, poplu tiegħi? Fiex dejjaqtek? Weġibni. 4 Għax jien tellajtek mill-art tal-Eġittu, fdejtek minn dar il-jasar; jien bgħatt quddiemek ’il Mosè, lil Aron u ’l Mirjam. 5 Ftakar, iva, poplu tiegħi: biex kien ħareġ Balak, sultan ta’ Mowab, u x’wieġbu Balgħam bin Begħor? Ftakar ma’ xiex iltqajt minn Sittim sa Gilgal, ħalli b’hekk tagħraf l-għemejjel sewwa tal-Mulej.” 6 “Biex se nersaq quddiem il-Mulej, u nitbaxxa quddiem Alla l-Għoli? Se nersaq quddiemu b’sagrifiċċji tal-ħruq u b’għoġiela ta’ sena? 7 Il-Mulej se jogħġbuh l-eluf ta’ mtaten, u l-għaxriet ta’ eluf ta’ widien ta’ żejt? Se noffrilu ’l ibni l-kbir b’sagrifiċċju għad-dnub tiegħi? Se nagħtih l-ewwel wild tiegħi, il-frott ta’ ħdani għal ħtijieti?” 8 Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek.” Għall-qarrieqa tal-belt 9 Leħen il-Mulej isejjaħ il-belt, jiswa li wieħed jibża’ minn ismek! “Isimgħu tribujiet u ġemgħa tal-belt! 10 Se ninsa jiena dar il-ħażin, li jiġma’ fiha t-teżori tal-ħażen, u s-saħta tal-efa mnaqqsa? 11 U l-miżien ħażin, u l-borża bil-bċejjeċ foloz tal-użin, nista’ jien inqishom b’tajba? 12 L-għonja tagħha m’ għandhomx ħlief moħqrija u n-nies tagħha kollhom kliem b’ieħor, u lsienhom qerq ġo fommhom. 13 Jien ukoll, mela, inneħħilek saħħtek bis-swat, u nagħmlek ħerba għal ħtijietek. 14 Tibda tiekol bla ma tixba’, titħalla bl-istonku tiegħek vojt, twarrab xi ħaġa u ma tfaddal xejn, u dak li tfaddal nitlaqhulek għax-xabla. 15 Tiżra’ u ma taħsadx, tisħaq iż-żebbuġ, u ma tindilikx biż-żejt, tagħsar l-għeneb, u ma tixrobx inbid. 16 Int ħarist il-liġijiet ta’ Għomri u d-drawwiet kollha tad-dar ta’ Aħab, u mxejt fit-triqat li fasslu huma, biex nagħmel minnek ħerba, u ’l niesek jiddieħku bihom, u int titgħabba biż-żebliħ tal-ġnus.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society