MIKEA 5 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 5 1 Imma int, Betlehem ta’ Efrata, ċkejkna fost il-familji ta’ Ġuda, minnek għad joħroġli dak li jkun prinċep f’Iżrael; hu għandu l-bidu tiegħu mill-qedem, sa minn dejjem ta’ dejjem. 2 Għalhekk il-Mulej jitlaqhom sa meta teħles dik li hi fl-uġigħ tal-ħlas; imbagħad il-bqija ta’ ħutu jerġgħu lura fost ulied Iżrael. 3 U hu joqgħod jirgħa l-merħla tiegħu bil-qawwa tal-Mulej, bil-glorja ta’ isem il-Mulej, Alla tiegħu. U huma jgħammru fiż-żgur, għax issa tkun kbira setegħtu, sa trufijiet l-art. 4 U dan ikun is-sliem! L-Assirja, jekk tidħol f’pajjiżna, u jekk tirfes fil-kastelli tagħna, inqajmu għaliha seba’ rgħajja, u tmien prinċpijiet mill-poplu. Il-Lhud qalbhom qawwija 5 Huma jirgħu ’l-Assirja bis-sejf, u l-art ta’ Nimrod bix-xwabel misluta. U jeħlisna mill-Assirja, jekk din tidħol f’pajjiżna, u jekk tirfes fuq artna. Post il-bqija fost il-ġnus 6 U jkun il-fdal ta’ Ġakobb fil-ġnus, fost kotra ta’ popli bħan-nida li tiġi mill-Mulej, bħall-irxiex tax-xita fuq il-ħaxix, li ma jistennew xejn minn ħadd, lanqas jittamaw fil-bnedmin. 7 U jkun il-fdal ta’ Ġakobb fil-ġnus fost kotra ta’ popli, bħal iljun qalb il-bhejjem tal-foresta, bħal ferħ ta’ ljun fost merħliet ta’ nagħaġ, li, meta jgħaddi, jgħaffeġ u jqatta’, u ħadd ma jeħlisha minn taħt idejh. 8 Ħa tintrefa’ idek kontra min jeħodha miegħek, u jintemmu l-għedewwa kollha tiegħek. Il-Mulej iwarrab kull tiġrib 9 U jiġri f’dak il-jum, oraklu tal-Mulej, li ntemm iż-żwiemel tiegħek minn ġo nofsok, neqred il-karrijiet tiegħek, 10 intemm il-bliet ta’ pajjiżek, inġarraf is-swar tiegħek kollha, 11 intemm kull seħer minn idek, u bassara ma jkollokx iżjed; 12 inkisser il-plieri u l-istatwi tiegħek minn ġo nofsok, xbihat allatek nagħmilhom ħerba, 13 intemm ix-xbihat tiegħek tal-Asera, u ma tinxteħetx aktar fl-art quddiem l-opri ta’ jdejk. 14 U b’korla u saħna kbira nitħallas mill-ġnus li ma jkunux iridu jisimgħu. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society