Online Bible

- Reklamy -

MIKEA 4 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 4 Il-Mulej għad isaltan f’Sijon

1 Għad jiġri fl-aħħar jiem li l-għolja ta’ dar il-Mulej togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji, u tintrefa’ ’l fuq mill-għoljiet. Lejha għad jiġu l-popli kollha,

2 kotra sħiħa ta’ ġnus għad jiġu u jgħidu: “Immorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, lejn id-dar ta’ Alla ta’ Ġakobb, biex jgħallimna triqatu, biex aħna nimxu fi triqtu. Għax minn Sijon toħroġ il-liġi, u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm.”

3 U jkun hu l-imħallef ta’ ħafna popli, f’idejh ikun id-destin ta’ ġnus setgħana, imqar l-aktar imbiegħda. Ix-xwabel tagħhom idewbuhom f’sikek, u l-lanez tagħhom fi mnieġel. Il-ġnus ma jisiltux ix-xwabel għal xulxin, u ma jitħarrġux aktar għall-gwerra.

4 Imma kull wieħed jintasab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom, għax fomm il-Mulej tal-eżerċti tkellem.

5 Għax il-popli kollha jimxu kull wieħed f’isem l-alla tiegħu; imma aħna nimxu f’isem il-Mulej, Alla tagħna, għal dejjem ta’ dejjem.


Il-merħla mxerrda għad tinġabar f’Sijon

6 “Dakinhar, oraklu tal-Mulej, jien niġma’ z-zopop, u niġbor l-imkeċċijin u ’l dawk li jien kont ħqart.

7 U z-zopop nagħmilhom fdal, l-imwarrba nagħmilhom ġnus setgħana.” U l-Mulej isaltan fuqhom fil-muntanja Sijon, minn issa u għal dejjem.

8 U int, Torri tal-Merħla, Għolja ta’ bint Sijon, tasallek u tiġik is-saltna tal-imgħoddi, is-saltna ta’ bint Ġerusalemm.


Assedju, turufnament u ħelsien ta’ Sijon

9 Issa għalfejn dan il-biki kollu? Ma hemmx sultan ġo fik? Jaqaw il-kunsillier tiegħek għab, biex qabdek uġigħ il-mara fil-ħlas?

10 Tkagħweġ bl-uġigħ, bint Sijon, infaqa’ bil-biki, bħal mara fil-ħlas, għax issa se toħroġ barra mill-belt, u tibda tgħammar fil-kampanja. Inti se tmur Babilonja: hemm teħles, hemm jifdik il-Mulej minn idejn l-għedewwa tiegħek.


Il-ġnus midrusa fuq il-qiegħa ta’ Sijon

11 Issa nġemgħu kontra tiegħek ġnus kotrana, li qegħdin jgħidu: “Ħa titkasbar, u ħa jitpaxxew għajnejna b’Sijon.”

12 Iżd’huma ħsibijiet il-Mulej ma jafuhomx, il-pjan tiegħu ma għarfuhx; għax hu ġabarhom qishom qatet fuq il-qiegħa.

13 Qum, bint Sijon, u idres, għax il-qarn jien nagħmilhulek tal-ħadid, dwiefer saqajk nagħmilhomlok tal-bronż, u inti tfarrak bosta popli, tħalli għall-Mulej dak li tikseb minnhom, u ġidhom lil Sid l-art kollha.


Niket u ġieħ għal dar David

14 Bħalissa int tinsab marsusa wisq, għalquna f’assedju; lill-imħallef ta’ Iżrael qegħdin jagħtuh b’għasluġ fuq ilħitu.

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy