MIKEA 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 3 Għall-kbarat li jaħqru l-poplu 1 Imbagħad jien għedt: “Issa isimgħu, kbarat ta’ Ġakobb, u mexxejja tad-dar ta’ Iżrael! Mhux lilkom imiss li tagħrfu l-ġustizzja? 2 Intom għedewwa tat-tjieba u ħbieb tal-ħażen, li tisolħulhom il-ġilda minn fuqhom, u laħamhom minn fuq għadamhom? 3 Dawn huma li jieklu laħam il-poplu tiegħi; iqaxxruhom u jfarrkulhom għadamhom; iqattgħuhom qishom laħam għall-borom, bħal biċċa laħam f’kazzola, 4 u mbagħad jgħajtu lill-Mulej. Iżda hu ma jweġibhomx; hu jaħbi wiċċu minnhom f’dak iż-żmien, talli kulma għamlu għamluh ħażin. Għall-profeti mixtrija 5 Hekk jgħid il-Mulej dwar il-profeti, li jtellfu t-triq lill-poplu tiegħi; li jgħidu “Paċi!” jekk ikollhom xi jgerrmu bi snienhom, imma jħejju gwerra qaddisa għal min ma jagħtihom xejn għal ħalqhom. 6 Għalhekk ikollkom lejl fuqkom u ma tarawx dehriet; ikollkom dlam fuqkom mingħajr tħabbir; u tgħib ix-xemx għall-profeti, u jiddallam għalihom il-jum. 7 Imbagħad il-veġġenti jkollhom mniex jistħu, il-ħabbara jħammru wiċċhom, u lkoll jibdew jgħattu xufftejhom, għax ebda tweġiba ma jkollhom minn Alla. 8 Imma jien, jien mimli bil-qawwa, bl-ispirtu tal-Mulej, bil-ġustizzja u l-kuraġġ, biex nuri ’l Ġakobb id-dnub tiegħu, u l-ħtijiet tiegħu lil Iżrael. Titħabbar il-qerda ta’ Sijon 9 Isimgħu dan, mela, kbarat tad-dar ta’ Ġakobb, u mexxejja tad-dar ta’ Iżrael, li għandkom mibegħda għall-ġustizzja, u tħassru kulma hu sewwa, 10 li tibnu ’l Sijon bid-demm, u lil Ġerusalemm bil-ħażen. 11 Il-kapijiet tagħha jinxtraw biex jagħmlu l-ġustizzja, il-qassisin tagħha jridu l-ħlas biex jgħallmu, il-profeti tagħha jridu l-flus biex jeħbru. U madankollu jistrieħu fuq il-Mulej u jgħidu: “Mhuwiex fostna l-Mulej? Ħsara ma tiġix fuqna!” 12 Għalhekk, minħabba fikom, Sijon għad tinħarat bħal għalqa, borġ ġebel għad issir Ġerusalemm, u l-muntanja tat-tempju għolja kollha siġar. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society