MIKEA 2 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 2 Kontra n-negozju inġust 1 Ħażin għalihom dawk li jfasslu l-ħsara, dawk li jsawru d-deni fuq soddithom! U jagħmluh mas-sebħ filgħodu, għax idejhom għandhom is-setgħa. 2 Jekk jitlebilbu għall-għelieqi, jisirquhom; jekk għad-djar, jaħtfuhom; jagħmlu l-vjolenza fuq raġel u daru, fuq is-sid u ġidu. 3 Għalhekk dan jgħid il-Mulej: “Ara, kontra din ir-razza ta’ nies qed infassal ħsibijiet ta’ ħsara, li ma teħilsux għonqkom minnha, u ma tibqgħux timxu raskom merfugħa, għax ikun żmien ħażin.” 4 Dakinhar tiġu f’ilsien in-nies, jgħannulkom għanja tal-biki u jgħidulkom: “Aħna misruqin serqa għall-aħħar: sehem il-poplu tiegħu qiegħed jitqies bil-ħbula, m’hemm ħadd biex iroddhulu lura; ir-raba’ tagħna sar sehem min seraqna.” 5 Għalhekk għalikom ma jkunx hemm min jixħet il-ħabel tal-qjies bix-xorti fil-ġemgħa tal-Mulej. Il-profeta li jhedded bil-ħsara 6 “Ixxerrdux xnigħat!” ixandru huma; “Aħbarijiet bħal dawn m’għandhomx jixxandru! Ebda għajb mhu se jaqa’ fuqna.” 7 Jaqaw id-dar ta’ Ġakobb misħuta? Jaqaw il-Mulej tilef sabru? Dawn huma għemejjel tiegħu? Kliemu mhuwiex kliem ta’ ġid ma’ min jimxi dritt?” 8 Intom li qomtu bħala għedewwa għall-poplu tiegħi, lill-bniedem fis-sliem tneżżgħuh mill-mantar tiegħu, lil min ikun għaddej b’rasu mistrieħa, bħallikieku priża tal-gwerra. 9 In-nisa tal-poplu tiegħi tgerrxuhom minn djarhom fejn ikunu għal qalbhom. Lil uliedhom tneħħulhom il-ġieħ li jien tajthom għal dejjem. 10 “Qumu u morru, għidulhom, dan mhux post il-mistrieħ!” Għal kull ħaġa ta’ xejn tieħdu rahan bla qjies. 11 Jekk jgħaddi bniedem fieragħ, kollu gideb u qerq, u jgħid: “Inħabbarlek inbid u xorb,” dan isir il-profeta ta’ dan il-poplu. Wegħda ta’ tiġdid 12 Niġbrok, Ġakobb, kollok kemm int, niġbor il-fdal ta’ Iżrael, nqegħedhom flimkien bħal nagħaġ f’maqjel, bħal merħla f’nofs ta’ mergħa, geġwiġija ta’ nies, bla ma jibżgħu minn ħadd. 13 Jitla’ quddiemhom dak li jiftaħ it-triq, jiftaħ it-triq, jgħaddu mill-bieb u joħorġu minnu, u jgħaddi s-sultan tagħhom quddiemhom, il-Mulej fir-ras tagħhom. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society