MATTEW 28 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 28 Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet ( Mk 16,1-10 ; Lq 24,1-12 ; Ġw 20,1-10 ) 1 Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. 2 U ara, inħasset theżżiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. 3 Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; ilbiesu abjad bħas-silġ. 4 Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. 5 Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. 6 Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. 7 U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom.” 8 Dawk telqu malajr minn ħdejn il-qabar, kollhom biża’ u ferħ kbir, u marru jiġru jagħtu l-aħbar lid-dixxipli tiegħu. 9 U ara, iltaqa’ magħhom Ġesù u qalilhom: “Is-sliem għalikom.” Huma resqu lejh, qabdulu riġlejh u nxteħtu quddiemu. 10 Imbagħad Ġesù qalilhom: “Tibżgħu xejn; morru wasslu l-aħbar lil ħuti biex jitilqu lejn il-Galilija; lili jarawni hemmhekk.” L-għases jagħtu l-aħbar tal-ġrajja 11 Huma u sejrin, xi wħud mill-għases marru l-belt għand il-qassisin il-kbar u tawhom l-aħbar ta’ kulma kien ġara. 12 Dawn inġabru flimkien max-xjuħ, ftiehmu bejniethom, u taw lis-suldati kemxa flus ġmielha 13 u qalulhom: “Għidu hekk, ‘Ġew id-dixxipli tiegħu billejl u serquh waqt li konna reqdin.’ 14 U jekk il-gvernatur jisma’ b’dan, aħna nġagħluh jemmen, u lilkom neħilsukom minn kull inkwiet.” 15 Dawk ħadu l-flus u għamlu kif qalulhom. U din il-biċċa xterdet hekk fost il-Lhud sal-ġurnata tal-lum. Ġesù jagħti l-missjoni lill-appostli ( Mk 16,14-18 ; Lq 24,36-49 ; Ġw 20,19-23 ; Atti 1,6-8 ) 16 Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. 17 Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. 18 Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. 19 Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, 20 u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society