MARK 9 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 9 1 Qalilhom ukoll: “Tassew ngħidilkom, li hawn xi wħud minnkom li qegħdin hawn, li żgur ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw il-wasla tas-Saltna ta’ Alla, mogħnija bil-qawwa.” It-Trasfigurazzjoni ( Mt 17,1-8 ; Lq 9,28-36 ) 2 Sitt jiem wara Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. 3 Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. 4 U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù. 5 Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” 6 Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom. 7 Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.” 8 Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu. 9 Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. 10 Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’. 11 Staqsewh u qalulu: “Għaliex jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?” 12 “Tassew,” weġibhom, “l-ewwel għandu jiġi Elija, u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu. Mela kif inhu miktub fuq Bin il-bniedem li għandu jbati ħafna u jkun imżeblaħ? 13 Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma ġiebu rwieħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu.” Ġesù jfejjaq tifel u jeħilsu mix-xitan ( Mt 17,14-20 ; Lq 9,37-42 ) 14 Meta reġgħu ġew ħdejn id-dixxipli l-oħra, rawhom b’kotra kbira ta’ nies madwarhom, u xi kittieba jitlewmu magħhom. 15 In-nies, kif rawh, ilkoll stagħġbu ħafna u ġrew lejh biex isellmulu. 16 U hu staqsiehom: “Fuqiex qegħdin titlewmu magħhom?” 17 U wieħed mill-kotra qallu: “Mgħallem, ġibtlek lil ibni għax għandu spirtu mbikkem. 18 U kull fejn jaħkmu jsabbtu mal-art u hu joħroġ ir-ragħwa minn ħalqu, jgħażżeż snienu u jibbies. Għedt lid-dixxipli tiegħek biex ikeċċuh minnu, u ma kellhomx ħila.” 19 “Ja nies bla fidi,” qalilhom Ġesù, “kemm se ndum magħkom? Kemm se ndum nissaportikom? Ġibuhuli quddiemi.” 20 U ressquhulu quddiemu. L-ispirtu, malli lemaħ lil Ġesù, beda jħabbtu ’l hawn u ’l hemm bir-ragħwa f’ħalqu. 21 “Xi kemm ilu jagħtih hekk?” staqsa Ġesù lil missieru. “Minn ċkunitu,” qallu, 22 “u sikwit ġie li tefgħu fin-nar u fl-ilma biex jeqirdu. Imma int, jekk tista’ tagħmel xi ħaġa, għinna u ħenn għalina!” 23 “Jekk tista’!” qallu Ġesù. “Kollox jista’ jkun għal min jemmen!” 24 Missier it-tifel minnufih beda jgħajjat u jgħidlu: “Jiena nemmen! Għinni fil-fidi nieqsa tiegħi!” 25 Ġesù, meta ra l-kotra tiżdied, hedded bl-aħrax lill-ispirtu ħażin u qallu: “Ja spirtu mbikkem u trux, jiena nordnalek: oħroġ minnu, u la terġax tidħol fih, qatt iżjed!” 26 U filwaqt li qabad jixher u jħabbtu ħafna, ħareġ minnu, u t-tifel inxteħet għal mejjet, hekk li l-kotra tan-nies bdiet tgħid: “Miet!” 27 Imma Ġesù qabdu minn idu u qajmu, u hu waqaf fuq saqajh. 28 Meta mbagħad Ġesù raġa’ daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh rasu u rashom: “Għaliex ma rnexxilniex inkeċċuh?” 29 “Spirtu bħal dak,” qalilhom, “ma jista’ jitkeċċa b’xejn ħlief bit-talb.” It-tieni taħbira tal-mewt u tal-qawmien ( Mt 17,22-23 ; Lq 9,43-45 ) 30 Telqu minn hemm u għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, 31 għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt.” 32 Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh. Min hu l-akbar fis-Saltna tas-Smewwiet ( Mt 18,1-5 ; Lq 9,46-48 ) 33 Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” 34 Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar. 35 Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd.” 36 U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: 37 “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni.” Min mhuwiex kontra Ġesù ( Lq 9,49-50 ; Mt 10,42 ) 38 “Mgħallem,” qallu Ġwanni, “wieħed raġel, li s-soltu ma jkunx magħna, rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek u ridna nżommuh, għax hu mhuwiex wieħed minn tagħna.” 39 Imma Ġesù qal: “La żżommuhx, le, għax ma hemm ħadd li se jagħmel miraklu f’ismi u mbagħad malajr se jkollu ħila jgħid kontra tiegħi. 40 Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna. 41 “Min jagħtikom tazza ilma x’tixorbu għax intom tal-Messija, ngħidilkom is-sewwa li ma jibqax mingħajr il-ħlas tiegħu.” L-iskandlu ( Mt 18,6-9 ; Lq 17,1-2 ) 42 “Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar. 43 U jekk idek hija għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’id waħda fil-ħajja, milli li tmur b’idejk it-tnejn fl-infern, fin-nar li ma jintefiex. 45 U jekk riġlek hu għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtgħu barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’riġel wieħed fil-ħajja, milli tinxteħet b’riġlejk it-tnejn fl-infern. 47 U jekk għajnek hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna ta’ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn fl-infern, 48 fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex. 49 Għax kulħadd ikun immellaħ bin-nar. 50 “Tajjeb il-melħ; iżda jekk il-melħ jaqta’, biex terġgħu tagħtuh it-togħma tiegħu? Fittxu li jkollkom melħ fikom infuskom u li tgħixu fis-sliem bejnietkom.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society