MARK 8 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 8 Ġesù jitma’ erbat elef ( Mt 15,32-39 ) 1 F’dawk il-jiem, reġgħet inġabret kotra kbira u ma kellhomx x’jieklu, sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: 2 “Nitħassarhom lil dawn in-nies, għax ġa ilhom miegħi tlitt ijiem, u ma għandhom xejn x’jieklu. 3 Jekk inħallihom imorru sajmin lejn djarhom, żgur iħosshom ħażin fit-triq, għax xi wħud minnhom ġew mill-bogħod.” 4 Id-dixxipli tiegħu weġbuh: “F’deżert bħal dan minn fejn jista’ wieħed ixabba’ lil dawn in-nies kollha bil-ħobż?” 5 Hu staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż?” Qalulu: “Sebgħa.” 6 Imbagħad qal lin-nies kollha jinxteħtu bilqiegħda fl-art, ħa s-seba’ ħobżiet, radd il-ħajr, qasamhom u tahom lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies, u huma newluhomlhom. 7 U kellhom ukoll xi ftit ħut żgħir; berikhom, u ried li jitnewlu dawn ukoll. 8 U kielu u xebgħu; u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal, sebat iqfief! 9 U kien hemm madwar l-erbat elef ruħ! 10 Imbagħad bagħathom. U minnufih tala’ fuq dgħajsa flimkien mad-dixxipli tiegħu u mar lejn l-inħawi ta’ Dalmanuta. Il-Fariżej jitolbu sinjal mis-sema ( Mt 16,1-4 ) 11 Ġew il-Fariżej u bdew iħaqquha miegħu; u, biex iġarrbuh, talbuh sinjal mis-sema. 12 Hu tniehed tnehida fih innifsu u qal: “Għalfejn irid sinjal dan in-nisel? Tassew ngħidilkom, ebda sinjal ma jingħatalu dan in-nisel.” 13 U telaqhom, raġa’ tala’ fuq id-dgħajsa u mar ix-xatt l-ieħor. Il-ħmira tal-Fariżej u ta’ Erodi ( Mt 16,5-12 ) 14 U nsew jieħdu l-ħobż, u ma kellhomx ħlief ħobża waħda magħhom fid-dgħajsa. 15 Hu wissiehom u qalilhom: “Iftħu għajnejkom, oqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u mill-ħmira ta’ Erodi!” 16 Huma bdew jgħidu bejniethom: “Dan għax m’għandniex ħobż.” 17 Ġesù induna u qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom li ma għandkomx ħobż. Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’ebusija ta’ ras għandkom? 18 Għandkom għajnejn u ma tarawx? Għandkom widnejn u ma tisimgħux? Ma tiftakrux 19 meta qassamt il-ħames ħobżiet bejn il-ħamest elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu mimlija bil-bċejjeċ li kien fadal?” Qalulu: “Tnax.” 20 “Meta qassamt is-seba’ ħobżiet bejn l-erbat elef ruħ, kemm-il qoffa ġbartu bil-bċejjeċ li kien fadal?” Qalulu: “Sebgħa.” 21 “U għadkom ma fhimtux?” qalilhom. Ġesù jfejjaq raġel agħma f’Betsajda 22 Waslu Betsajda, u ħadulu quddiemu raġel agħma u talbuh imissu. 23 Qabad l-agħma minn idu u ħadu barra mir-raħal, beżaqlu f’għajnejh, qiegħed idejh fuqu u staqsieh: “Qiegħed tara xi ħaġa?” 24 Dak ħares ’il fuq u qal: “Qiegħed nara n-nies, imma qiegħed narahom donnhom siġar mexjin.” 25 Imbagħad raġa’ qegħedlu idejh fuq għajnejh, u beda jara ċar: u kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll. 26 Bagħtu lura lejn daru, u qallu: “Qis li ma tgħid xejn meta tmur ir-raħal.” Stqarrija tal-fidi minn Pietru ( Mt 16,13-20 ; Lq 9,18-21 ) 27 Telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?” 28 Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti.” 29 “Imma intom,” staqsiehom, “intom min tgħidu li jien?” Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija.” 30 Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu. L-ewwel taħbira tal-mewt u tal-qawmien ( Mt 16,21-23 ; Lq 9,22 ) 31 U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. 32 Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. 33 Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!” 34 Sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. 35 Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. 36 Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? 37 Xi prezz jista’ jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? 38 Għax jekk xi ħadd, minn dan in-nisel żieni u midneb tal-lum, għad jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll għad jistħi minnu meta jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien mal-anġli mqaddsa.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society