MARK 7 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 7 It-tradizzjonijiet tal-antenati ( Mt 15,1-9 ) 1 Il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejh, 2 u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. 3 Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu idejhom sewwa; 4 hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. 5 Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?” 6 Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub, ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. 7 Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin.’ 8 Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin.” 9 U qalilhom: “Ħelu ħelu ġġibu fix-xejn il-kmandamenti ta’ Alla biex tħarsu t-tradizzjoni tagħkom. 10 Mosè qal, ‘Weġġaħ lil missierek u ’l ommok’ u ‘min iżeblaħ lil missieru jew ’l ommu għandu jieħu l-mewt’. 11 Imma intom tgħidu: Jekk wieħed jgħid lil missieru jew ’l ommu, ‘Il-ġid li għandi, li jista’ jkun ta’ għajnuna għalik, huwa Qorban’ (jiġifieri, offerta)’ 12 intom mbagħad ma tħalluh jagħmel xejn iżjed għal missieru jew ommu, 13 u hekk iġġibu fix-xejn il-kelma ta’ Alla bit-tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. U bosta ħwejjeġ oħra bħal dawn tagħmlu.” X’inhu li jtabba’ lill-bniedem ( Mt 15,10-20 ) 14 Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! 15 Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem.” 17 Meta ħalla n-nies u daħal id-dar, id-dixxipli tiegħu staqsewh fuq il-parabbola. 18 U hu qalilhom: “Intom ukoll daqshekk bla moħħ? Ma tifhmux li xejn ma jista’ jtabba’ lill-bniedem minn dak li jidħol ġo fih minn barra, 19 la darba dan mhux fil-qalb imur, iżda fl-istonku, biex imbagħad jintrema fil-ħofra?” B’hekk wera li l-ikel kollu hu safi. 20 U qalilhom: “Dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. 21 Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żina, serq, qtil, 22 adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. 23 Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem.” Il-fidi tal-mara Sirofeniċja ( Mt 15,21-28 ) 24 Minn hemmhekk telaq u mar fl-inħawi tal-belt ta’ Tir. Daħal joqgħod f’dar, u ried li ħadd ma jsir jaf. Iżda ma setax ikun li jinħeba, 25 għax malajr semgħet bih waħda mara li kellha lil bintha maħkuma minn spirtu ħażin, u marret tinxteħet f’riġlejh. 26 Issa din il-mara kienet Griega, Sirofeniċja min-nisel tagħha. Bdiet mela titolbu biex ikeċċi x-xitan minn ġo bintha. 27 U hu qalilha: “L-ewwel ħa jixbgħu l-ulied, għax mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi.” 28 Iżda hi weġbitu u qaltlu: “Hekk hu, Mulej; imma taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal.” 29 Imbagħad qalilha: “Għal din il-kelma li għedt, mur, ix-xitan ħareġ minn bintek.” 30 U xħin marret id-dar, sabet it-tifla mimduda, u x-xitan kien ħareġ minnha. Ġesù jfejjaq trux u mbikkem 31 Raġa’ telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. 32 U ġabulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. 33 Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. 34 Imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata,” jiġifieri, “Infetaħ!” 35 U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa. 36 Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. 37 U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society