MARK 6 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 6 In-nies ta’ Nazaret ma jilqgħux lil Ġesù ( Mt 13,56-58 ; Lq 4,16-30 ) 1 Telaq minn hemm u mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. 2 Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? 3 Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġosè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?” U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih. 4 Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess.” 5 U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; 6 u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem. Il-missjoni tat-Tnax ( Mt 10,1 . 14 ; Lq 9,1-6 ) 7 U sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. 8 U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; 9 imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi. 10 Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. 11 U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom.” 12 Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; 13 u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom. Il-qtil ta’ Ġwanni l-Battista ( Mt 14,1-2 ; Lq 9,7-9 ) 14 Is-sultan Erodi sama’ bih, għax ismu kien sar magħruf, u xi wħud bdew jgħidu: “Ġwanni l-Battista qam mill-imwiet; minħabba f’hekk li s-setgħat tal-mirakli qegħdin jaħdmu fih.” 15 Imma oħrajn bdew jgħidu: “Dan Elija.” U oħrajn: “Profeta, bħal wieħed mill-profeti l-oħra.” 16 Iżda Erodi, meta sama’ bih, qal: “Ġwanni l-Battista, li jien qtajtlu rasu, hu qam mill-mewt.” 17 Għax kien Erodi stess li bagħat jarresta lil Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu, billi kien iżżewwiġha hu. 18 Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk.” 19 Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kinitx tista’, 20 għax Erodi, li kien jaf x’raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża’ minnu; u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa’ mħasseb ħafna wara li jisimgħu. 21 Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lill-aqwa nies tal-Galilija. 22 Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: “Itlobni kulma trid, u jien nagħtik kulma titlobni.” 23 U qalilha u ħalfilha: “Titlobni x’titlobni kollox nagħtik, imqar nofs is-saltna tiegħi.” 24 Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: “Tgħid x’nitolbu?” “Ras Ġwanni l-Battista,” weġbitha dik. 25 Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: “Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt.” 26 Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jarġa’ lura mill-kelma li taha. 27 Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta’ madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; 28 imbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha. 29 Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar. Ġesù jitma’ ħamest elef ruħ ( Mt 14,13-21 ; Lq 9,10-17 ; Ġw 6,1-13 ) 30 L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kulma kienu għamlu u għallmu. 31 U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.” Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. 32 Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, 33 imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom. 34 Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ. 35 Meta kien sar il-ħin ġmielu, resqu d-dixxipli tiegħu u qalulu: “Dan post imwarrab, u ġa sar ħafna ħin. 36 Ibgħathom, ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula tal-qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu.” 37 Iżda hu weġibhom: “Agħtuhom intom x’jieklu.” Qalulu: “U aħna se mmorru nixtru b’mitejn dinar ħobż biex nagħtuhom x’jieklu?” 38 Imbagħad staqsiehom: “Xi kemm għandkom ħobż? Morru araw.” Meta saru jafu, qalulu: “Ħamsa, u żewġ ħutiet.” 39 Imbagħad ordnalhom iqiegħdu lil kulħadd bilqiegħda, ġemgħa ġemgħa, fuq il-ħaxix aħdar. 40 U n-nies inxteħtet fl-art mija mija, u ħamsin ħamsin. 41 Hu ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet, u ta l-kisriet lid-dixxipli tiegħu biex inewluhom lin-nies quddiemhom, u qasam ukoll iż-żewġ ħutiet bejniethom ilkoll. 42 U kulħadd kiel u xaba’. 43 U ġabru l-bċejjeċ li fadal mill-ħobż u l-ħut u mlew tnax-il qoffa; 44 u kienu ħamest elef raġel dawk li kielu mill-ħobż! Ġesù jimxi fuq l-ilma ( Mt 14,22-33 ; Ġw 6,16-21 ) 45 Minnufih ġagħal id-dixxipli tiegħu jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru x-xatt l-ieħor qablu, lejn Betsajda, sakemm hu jibgħat in-nies. 46 Wara li sellmilhom u ħalliehom, tala’ fuq l-għoljiet biex jitlob. 47 Xħin sar filgħaxija d-dgħajsa kienet għadha f’nofs il-baħar, u hu waħdu l-art. 48 Kif rahom jitħabtu jaqdfu, għax kellhom ir-riħ għal wiċċhom, għal xi r-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar, u ried jgħaddihom. 49 Huma rawh miexi fuq il-baħar u stħajluh xi fantażma, u qabdu jgħajtu, 50 għax ilkoll tbeżżgħu kif rawh. Iżda hu minnufih kellimhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn.” 51 Imbagħad tala’ ħdejhom fid-dgħajsa, u r-riħ waqaf. U komplew tnixxfu fihom infushom bil-għaġeb, 52 għax il-miraklu tal-ħobż ma kinux fehmuh, imma moħħhom kien magħluq. Ġesù jfejjaq il-morda f’Ġennesaret ( Mt 14,34-36 ) 53 Wara li qasmu għan-naħa l-oħra, waslu l-art f’Ġennesaret u rabtu d-dgħajsa max-xatt. 54 Niżlu mid-dgħajsa, u n-nies minnufih għarfuh 55 u marru jiġru ma’ dawk l-inħawi kollha. U bdew iġorru l-morda fuq l-imtieraħ kull fejn kienu jisimgħu li qiegħed. 56 Kull fejn kien jidħol, fi rħula, bliet, jew kampanja, kienu jqiegħdu l-morda fil-pjazez u jitolbuh iħallihom imissu mqar tarf il-mantar; u dawk kollha li kienu jmissuh kienu jfiqu. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society