MARK 5 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 5 Ġesù jfejjaq raġel imxajtan f’Gerasa ( Mt 8,28-34 ; Lq 8,26-39 ) 1 Waslu x-xatt l-ieħor tal-baħar u ġew fil-pajjiż tal-Gerasin. 2 Kif niżel mid-dgħajsa, resaq fuqu wieħed, li ħareġ mill-oqbra, li kien maħkum minn spirtu ħażin. 3 Dan kien jgħammar fl-oqbra, u ħadd ma kien jista’ jżommu marbut, anqas b’katina, 4 għax bosta drabi laħqu rabtuh bix-xkiel u bil-ktajjen u hu kien jaqsam il-ktajjen u jkisser ix-xkiel, u ħadd ma kellu l-ħila jżommu. 5 Lejl u nhar kien il-ħin kollu joqgħod qalb l-oqbra jew fuq il-muntanji, jixher u jqatta’ ġismu biż-żrar. 6 Kif lemaħ lil Ġesù mill-bogħod ġera lejh, inxteħet fl-art quddiemu, 7 u għajjat b’leħen qawwi u qallu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Aħlifli fuq Alla li ma taħqarnix!” 8 Għax kien qallu: “Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!” 9 Imbagħad staqsieh: “X’jismek?” “Leġjun jisimni,” wieġbu, “għax aħna ħafna.” 10 U beda jitolbu bil-ħerqa biex ma jkeċċihomx barra mill-pajjiż. 11 Mela kien hemm merħla kbira ta’ qżieqeż tirgħa mal-ġenb tal-għolja, 12 u l-ispirti talbuh ħafna u qalulu: “Ibgħatna lejn il-qżieqeż ħa nidħlu fihom.” 13 U ħalliehom imorru. L-ispirti ħżiena ħarġu, u daħlu fil-qżieqeż; u l-merħla, li kienet ta’ madwar elfejn ras, inxteħtet għal ġol-baħar mill-għoli tax-xaqliba u għerqet fil-baħar. 14 Ir-rgħajja tagħhom ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet, u n-nies ġiet tara x’ġara. 15 Ġew ħdejn Ġesù, u lil dak li qabel kien maħkum mix-xitan u li kellu l-leġjun ġo fih rawh bilqiegħda, liebes u moħħu f’sikktu, u baqgħu miblugħin bil-biża’. 16 In-nies li raw il-ġrajja qalulhom x’kien għadda minn għala l-imxajtan u l-qżieqeż. 17 Imbagħad bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom. 18 Kif kien tiela’ fuq id-dgħajsa, dak li qabel kien maħkum mix-xitan beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa’ miegħu. 19 Iżda hu ma ħalliehx, u qallu: “Mur inġabar id-dar ma’ niesek, u għidilhom kulma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik.” 20 Dak telaq, u beda jxandar fid-Dekapoli kemm kien għamel miegħu Ġesù. U kulħadd stagħġeb. Ġesù jfejjaq mara u jqajjem tifla mill-mewt ( Mt 9,18-26 ; Lq 8,40-56 ) 21 Wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. 22 U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, 23 u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix.” 24 U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu. 25 U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. 26 Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar. 27 Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, 28 għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa.” 29 F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. 30 Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?” 31 Id-dixxipli tiegħu qalulu: “Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?” 32 Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. 33 Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. 34 “Binti,” qalilha, “il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek.” 35 Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?” 36 Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen.” 37 U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu. 38 Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. 39 Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda.” 40 U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. 41 Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!” 42 Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. 43 U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society