MARK 4 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 4 Il-parabbola taż-żerriegħ ( Mt 13,1-9 ; Lq 8,4-8 ) 1 Raġa’ beda jgħallem ħdejn il-baħar, u nġabret madwaru kotra kbira, hekk li kellu jitla’ bilqiegħda f’dgħajsa fuq il-baħar, u n-nies kollha l-art matul ix-xatt. 2 U qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli, u fit-tagħlim tiegħu qalilhom: 3 “Isimgħu. Darba kien hemm bidwi u ħareġ jiżra’. 4 Ġara li hu u jiżra’, xi żerrigħat waqgħu fil-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. 5 Oħrajn waqgħu f’art kollha blat fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; 6 meta mbagħad telgħet ix-xemx, inħarqu u nixfu, billi ma kellhomx għeruq. 7 Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk u x-xewk kiber u ħanaqhom, u frott ma għamlux. 8 Oħrajn waqgħu f’art tajba, u għamlu l-frott; u l-frott kiber u tkattar, u min għamel tletin, min sittin, u min mija.” 9 U qal: “Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!” L-għala Ġesù tkellem bil-parabboli ( Mt 13,10-15 ; Lq 8,9-10 ) 10 Meta kien waħdu, dawk ta’ madwaru flimkien mat-Tnax resqu jitolbuh ifissrilhom il-parabboli. 11 U hu qalilhom: “Lilkom ingħata l-misteru tas-Saltna ta’ Alla, imma l-oħrajn, li huma barra, ikollhom kollox bil-parabboli, 12 ħalli ‘jħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux, li ma jbiddlux ħajjithom u jaqilgħu l-maħfra’.” Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ ( Mt 13,18-23 ; Lq 8,11-15 ) 13 “Din il-parabbola m’intomx tifhmuha?” qalilhom. “Mela kif se tifhmu l-parabboli l-oħra kollha? 14 Dak li l-bidwi jiżra’ hija l-kelma. 15 Dawk ta’ matul il-mogħdija, fejn inżergħet il-kelma, huma dawk li malli jisimgħuha, jersaq ix-Xitan u jaħtfilhom il-kelma li nżergħet f’qalbhom. 16 Dawk li jinżergħu f’art kollha blat huma dawk li meta jisimgħu l-kelma, minnufih jilqgħuha bil-ferħ, 17 imma għeruq ma jkollhomx, u għalhekk ftit idumu; meta mbagħad jiġi fuqhom l-għawġ, jew isibu min iħabbathom minħabba l-kelma, malajr jitfixklu. 18 L-oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu l-kelma, 19 iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja, ir-rabta mal-ġid tal-art, u l-ġibda għal ħwejjeġ oħra, jidħlu fihom u joħonqulhom il-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. 20 Dawk imbagħad li jinżergħu f’art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma, jilqgħuha, u jagħmlu l-frott, min tletin, min sittin u min mija.” Il-parabbola tal-musbieħ 21 U qalilhom: “Jaqaw il-musbieħ iġibuh biex iqegħduh taħt is-siegħ jew taħt is-sodda? Mhux fuq l-imnara jqegħduh? 22 Għax ma hemm xejn moħbi jekk mhux biex jingħaraf, u xejn ma hu mistur jekk mhux biex jinġieb għad-dawl. 23 Jekk hawn min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’!” 24 U qalilhom: “Oqogħdu attenti x’tisimgħu! Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom, u jingħatalkom iżjed ukoll. 25 Għax min għandu, jingħatalu; u min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu.” Il-parabbola taż-żerriegħa li tinbet weħidha 26 U qal: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. 27 Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. 28 L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. 29 U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad.” Il-parabbola taż-żerriegħa tal-mustarda ( Mt 13,31-32 ; Lq 13,18-19 ) 30 U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? 31 Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; 32 imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha.” L-użu tal-parabboli ( Mt 13,34-35 ) 33 B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, 34 u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox. Ġesù jsikket it-tempesta ( Mt 8,18 . 23-27 ; Lq 8,22-25 ) 35 Dak inhar, xħin sar filgħaxija qalilhom: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor.” 36 Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra. 37 U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. 38 Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” 39 Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!” U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. 40 U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” 41 U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?” |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society