Online Bible

- Reklamy -

MARK 3 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSA


Kapitlu 3 Ir-raġel b’idu niexfa
( Mt 12,9-14 ; Lq 6,6-11 )

1 Raġa’ daħal fis-sinagoga, u kien hemm raġel li kellu idu niexfa.

2 U qagħdu jgħassulu jekk ifejqux f’jum is-Sibt, biex ikollhom fuqiex jixluh.

3 Imma hu qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, ejja fin-nofs.”

4 Imbagħad staqsa lilhom: “X’jiswa li tagħmel nhar ta’ Sibt, ġid jew deni? Issalva ħajja jew toqtolha?” Iżda huma baqgħu siekta.

5 U xeħet ħarsa qalila madwaru fuqhom, imnikket għall-aħħar minħabba l-ebusija ta’ qalbhom, u qal lir-raġel: “Midd idek.” Dak meddha, u idu reġgħet ġiet f’saħħitha.

6 U l-Fariżej ħarġu; minnufih bdew jiftiehmu mal-Erodjani kontra tiegħu kif jeqirduh.


Kotra kbira f’xatt il-baħar
( Mt 12,15-16 )

7 Ġesù telaq flimkien mad-dixxipli tiegħu għan-naħa tal-baħar, u kotra kbira mill-Galilija marret warajh; u mil-Lhudija,

8 minn Ġerusalemm, mill-Idumija, min-naħa l-oħra tal-Ġordan, u mill-inħawi ta’ Tir u Sidon, kotra kbira ta’ nies, li semgħu b’kulma kien għamel, marru ħdejh.

9 Hu qal lid-dixxipli tiegħu biex iżommulu dgħajsa mħejjija fil-qrib minħabba l-kotra, biex ma jagħfsux fuqu;

10 għax billi kien fejjaq ħafna nies dawk kollha li kellhom xi mard kienu jrossu fuqu biex imissuh.

11 U l-ispirti ħżiena kull darba li kienu jilmħuh, kienu jinxteħtu fl-art quddiemu u jaqbdu jgħajtu: “Int l-Iben ta’ Alla!”

12 Iżda hu kien jordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien.


Ġesù jagħżel it-Tnax
( Mt 10,1-4 ; Lq 6,12-16 )

13 Tela’ fuq l-għolja u sejjaħ lejh lil dawk li ried. Huma resqu lejh,

14 u għażel tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu u biex jibgħathom jippridkaw,

15 u jkollhom is-setgħa li jkeċċu x-xjaten.

16 Għażel mela t-Tnax: Xmun, li tah ukoll l-isem ta’ Pietru,

17 u Ġakbu ta’ Żebedew, u Ġwanni, ħu Ġakbu, li tahom ukoll l-isem ta’ Boanerges, jiġifieri wlied ir-ragħad,

18 u Indrì, u Filippu, u Bartilmew, u Mattew, u Tumas, u Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, u Xmun il-Kanani,

19 u Ġuda l-Iskarjota, dak li ttradieh.


Ġesù u Begħelżebul
( Mt 12,22-32 ; Lq 11,14-23 ; 12,10 )

20 Imbagħad mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu.

21 Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu.

22 Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan għandu fih lil Begħelżebul,” u wkoll, “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten.”

23 Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan?

24 Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa.

25 U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa.

26 Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem.

27 Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur.

28 Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu.

29 Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem.”

30 Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin.”


Omm Ġesù u ħutu
( Mt 12,46-50 ; Lq 8,19-21 )

31 Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejħulu.

32 Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru. “Ara,” qalulu, “ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk.”

33 U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?”

34 Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti.

35 Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.”

Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.

Malta Bible Society
Následuj nás:



Reklamy