MARK 16 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 16 Il-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet ( Mt 28,1-18 ; Lq 24,1-12 ; Ġw 20,1-10 ) 1 Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. 2 U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar. 3 U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” 4 Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. 5 Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. 6 Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, mhuwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. 7 Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.” 8 U huma ħarġu ’l barra u tbiegħdu b’ġirja waħda mill-qabar, għax kellhom rogħda fuqhom u baqgħu mbellhin bil-biża’. U ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu. Ġesù jidher lil Marija ta’ Magdala ( Mt 28,9-10 ; Ġw 20,11-18 ) 9 Wara li qam mill-mewt filgħodu kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesù deher l-ewwel lil Marija ta’ Magdala, li minnha kien keċċa seba’ xjaten. 10 Din marret tħabbar kollox lil sħabu, li kienu qalbhom sewda u jibku. 11 Imma dawn, meta semgħuha tgħid li hu kien ħaj u li ratu, ma emmnuhiex. Ġesù jidher lil żewġ dixxipli ( Lq 24,13-35 ) 12 Wara dan, wera ruħu taħt sura oħra lil tnejn minnhom huma u sejrin bil-mixi lejn ir-raba’. 13 U huma reġgħu lura u taw l-aħbar lill-oħrajn, imma anqas lil dawn ma emmnuhom. Ġesù jagħti l-missjoni lill-Appostli ( Mt 28,16-20 ; Lq 24,36-49 ; Ġw 20,19-23 ; Atti 1,6-8 ) 14 Fl-aħħar wera ruħu lill-Ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u hekk rashom iebsa li ma emmnux lil dawk li kienu rawh wara li qam mill-mewt. 15 U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. 16 Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. 17 U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, 18 jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.” It-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema ( Lq 24,50-53 ; Atti 1,3-14 ) 19 U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. 20 Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society