MARK 15 - IL-BIBBJA IL-KOTBA MQADDSAKapitlu 15 Ġesù quddiem Pilatu ( Mt 27,1-2 . 11-26 ; Lq 23,1-5 . 13-25 ; Ġw 18,28 ; 19,1 . 4-16 ) 1 Filgħodu kmieni l-qassisin il-kbar iltaqgħu malajr max-xjuħ u mal-kittieba u mas-Sinedriju kollu biex jiftiehmu bejniethom. Imbagħad rabtu lil Ġesù, ħaduh u tawh f’idejn Pilatu. 2 Pilatu staqsieh: “Inti s-sultan tal-Lhud?” U hu wieġeb u qallu: “Int qiegħed tgħidu.” 3 Il-qassisin il-kbar bdew jaqilgħu ħafna akkużi kontra tiegħu. 4 Iżda Pilatu raġa’ staqsieh: “Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi qegħdin iġibu kontra tiegħek!” 5 Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, hekk li Pilatu baqa’ mistagħġeb. Ġesù kkundannat għall-mewt ( Mt 27,15-26 ; Lq 23,13-25 ; Ġw 18,39—19,16 ) 6 F’nhar ta’ festa kien jitilqilhom wieħed ħabsi, lil dak li kienu jitolbu huma. 7 Issa fil-ħabs kien hemm wieħed jismu Barabba, arrestat flimkien max-xewwiexa li fir-rewwixta kienu qatlu lil xi ħadd. 8 In-nies telgħu u bdew jitolbuh jagħmel kif kien jagħmlilhom dejjem. 9 Qabad Pilatu u qalilhom: “Tridux nitilqilkom is-sultan tal-Lhud?” 10 Għax hu għaraf tajjeb li l-qassisin il-kbar kienu tawh lil Ġesù f’idejh minħabba l-għira. 11 Iżda l-qassisin il-kbar bdew ixewxu n-nies li aħjar jitilqilhom lil Barabba. 12 Pilatu raġa’ staqsiehom u qalilhom: “U x’nagħmel imbagħad b’dak li intom issejħulu s-sultan tal-Lhud?” 13 Iżda huma nfexxew jgħajtu mill-ġdid: “Sallbu!” 14 Qalilhom Pilatu: “Imma x’għamel ħażin?” Huma aktar bdew jgħajtu: “Sallbu!” 15 Pilatu mbagħad, biex jogħġob lin-nies, telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh. Is-suldati jżebilħu lil Ġesù ( Mt 27,27-31 ; Ġw 19,2-3 ) 16 Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejħu r-riġment kollu. 17 Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. 18 U bdew isellmulu: “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!” 19 U qabdu jagħtuh b’qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu, u jilwu rkupptejhom quddiemu biex jagħtuh qima. 20 Imbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-ilbies aħmar u xeddewlu ħwejġu. U ħaduh ’il barra biex isallbuh. Ġesù msallab ( Mt 27,32-44 ; Lq 23,26-43 ; Ġw 19,18-24 ) 21 Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. 22 U wassluh f’post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa. 23 U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedx jieħu minnu. 24 Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed jieħu li jmissu. 25 Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh. 26 Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: “Is-sultan tal-Lhud.” 27 Miegħu sallbu wkoll żewġ ħallelin, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. 29 Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajruh, iċaqilqu rashom u jgħidu: “Għajb għalik, int li tħott it-tempju u tfittex terġa’ tibnih fi tlitt ijiem! 30 Inżel minn fuq is-salib u salva lilek innifsek!” 31 Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih bejniethom u mal-kittieba u jgħidu: “Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! 32 Ħa jinżel issa l-Messija, is-sultan ta’ Iżrael, minn fuq is-salib biex aħna naraw u nemmnu!” U dawk li kienu msallbin miegħu bdew imaqdruh huma wkoll. Il-mewt ta’ Ġesù ( Mt 27,45-56 ; Lq 23,44-49 ; Ġw 19,28-30 ) 33 Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. 34 U fid-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Eloî, Eloî, lema sabaqtani!”, li jfisser: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!” 35 Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: “Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!” 36 U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob filwaqt li qal: “Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!” 37 Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu. 38 U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel. 39 Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!” 40 Kien hemm ukoll xi nisa jħarsu mill-bogħod, fosthom Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu ż-żgħir u Ġosè, u Salomi; 41 dawn, meta Ġesù kien fil-Galilija, kienu jmorru miegħu u jaqduh. U kien hemm ukoll bosta oħrajn li kienu telgħu Ġerusalemm miegħu. Id-difna ta’ Ġesù ( Mt 27,57-61 ; Lq 23,50-55 ; Ġw 19,38-42 ) 42 Kien ġa sar filgħaxija, u billi kien Jum it-Tħejjija, jiġifieri lejlet is-Sibt, 43 Ġużeppi minn Arimatija, membru magħruf tal-Kunsill, li hu wkoll kien jistenna s-Saltna ta’ Alla, għamel il-ħila, daħal quddiem Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. 44 Pilatu stagħġeb li kien ġa miet; bagħat għaċ-ċenturjun u staqsieh jekk kienx ilu li miet. 45 Meta mbagħad sar jaf mingħand iċ-ċenturjun, ta l-ġisem ta’ Ġesù lil Ġużeppi, 46 u dan xtara liżar tal-għażel, niżżel lil Ġesù mis-salib, keffnu fil-liżar u qiegħdu f’qabar imħaffer fil-blat; imbagħad gerbeb ġebla fid-daħla tal-qabar. 47 Marija ta’ Magdala u Marija omm Ġosè qagħdu jaraw fejn tqiegħed. |
Maltese DC Bible © Malta Bible Society, 2020.
Malta Bible Society